Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210066

PR210066

13/01/2021

STQARRIJA MILL-MINISTRU FL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

​​


It-titjib fil-kwalità tax-xandir il-mira waqt konsultazzjoni pubblika organizzata mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela indirizza konferenza organizzata mill-ministeru tiegħu b’kollaborazzjoni mal-Public Broadcasting Services (PBS) dwar il-kwalità fix-xandir pubbliku.

Il-konferenza saret fl-isfond li din is-sena timmarka 30 sena mindu daħlet fis-seħħ il-liġi li għamlet possibbli l-pluraliżmu fix-xandir f’Malta, u laqqgħet flimkien għexieren ta’ stakeholders fil-qasam tax-xandir u l-produzzjoni fejn matulha tqajmu diversi punti u materji bil-għan li fix-xandir pubbliku b’mod partikolari, titjieb il-kwalità.

Matul din il-konferenza l-parteċipanti kellhom l-opportunità li jipparteċipaw f’wieħed minn erba’ workshops li trattaw temi differenti.

F’indirizz fil-bidu tal-konferenza, il-Ministru Carmelo Abela qal kif din is-sena l-Public Broadcasting Services qed tibda proċess ta’ tisħiħ li se jsir b’konsultazzjoni sħiħa mal-impjegati u l-istakeholders kollha li permezz tiegħu jrid jiġi żgurat il-kwalità tal-prodott ibbażat fuq il-kwalità, il-professjonaliżmu u l-effiċjenza. Semma li l-PBS għandha tkun il-vetrina tal-passat, il-preżent u l-futur ta’ dan il-pajjiż. 

Fost it-tisħiħ li għandu jsir il-Ministru Abela silet eżempju permezz tal-Programme Statement of Intent u sostna kif dan qed jiġġedded u jinħareġ wara proċess usa’ ta’ konsultazzjoni inkluż din il-konferenza.

Tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-kontenut tal-programmi fuq l-istazzjonijiet nazzjonali mhux biss iservu ta’ divertiment u informazzjoni, iżda wkoll ta’ pjattaforma biex il-kumpaniji tal-midja jkomplu jikbru u jipproduċu kontenut innovattiv li jissodisfa l-obbligi tal-Public Service Obligation. Dan qed ikun mgħejun anke permezz ta’ allokazzjoni ta’ fondi lejn ix-xandir nazzjonali, li jammontaw għal madwar €30 miljun fuq medda ta’ ħames snin.

Il-ministru semma wkoll il-potenzjal li jinħoloq kontenut b’appell internazzjonali kemm għall-barranin li jgħixu fostna, għad-dijaspora Maltija, u anke in vista ta’ opportunitajiet kummerċjali fuq pjattaformi awdjoviżivi oħra, u anke mezzi kif ix-xogħol awdjoviżiv jista’ jiġi integrat aħjar fuq l-internet fid-dawl tal-aħħar xejriet fil-mod ta’ kif in-nies jikkunsmaw il-kontenut awdjoviżiv.

Huwa temm billi sostna t-twemmin tiegħu f’din l-industrija u fil-kontribuzzjoni ta’ dawk kollha involuti u sostna li l-gvern se jkompli jipprovdi pjattaformi li bihom jistgħu jirnexxu. Il-ministru semma wkoll li għall-ewwel darba hemm line item ġdid fil-baġit bl-isem ta’ Television Production and Content Fund ta’ €800,000 dedikati lejn titjib fil-kwalità.

Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Public Broadcasting Services Carmen Sammut, fost l-oħrajn, tkellmet dwar kif xandir b’saħħtu jiżgura demokrazija b’saħħitha.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll permezz ta’ messaġġ irrekordjat mid-Direttur Ġenerali tal-European Broadcasting Union Noel Curran.