“L-istudji li wettaqna wrew biċ-ċar li strati ta' ħaddiema wrew ix-xewqa li jibqgħu jaħdmu remotament, imma mhux neċessarjament mid-dar għaliex xorta jippreferu li joħorġu mid-dar. Sal-aħħar ta' din is-sena se jkollna mal-15-il remote workspace jiffunzjonaw" – Is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar inawgura l-ewwel remote workspaces fis-Servizz Pubbliku. L-ewwel spazju li nfetaħ kien dak li jinsab f'Santa Venera u li se jkun miftuħ għall-impjegati fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli. Dan flimkien ma' spazji fil-hubs ta' servizz.gov f'Birkirkara u Ħal Qormi, kif ukoll fl-Uffiċċju Ċentrali ta' servizz.gov fil-Mosta, li se jkunu miftuħa għall-ħaddiema kollha tas-Servizz Pubbliku.
Is-Sur Cutajar qal li dawn huma l-ewwel remote workspaces li qed jiġu varati fis-Servizz Pubbliku iżda żgur mhux se jkunu l-aħħar. Dawn l-ispazji mhumiex biss konvenjenti u komdi, imma huma wkoll sempliċi biex tibbukkja l-ispazji fihom, u attrezzati bl-aqwa teknoloġija.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku qal illi dan kollu huwa parti minn strateġija usa' tas- Servizz Pubbliku li tidħol fis-seħħ fl-2022 – strateġija li fiha l-impjegati tas-Servizz Pubbliku huma pilastru ewlieni flimkien mat-teknoloġija u l-livell tas-servizz mogħti. Is-Sur Cutajar qal li hu konvint li (jew mil-lat ta') fir-riżorsi umani, dawn il-prattiki ġodda se jagħmlu wkoll lis-Servizz Pubbliku ferm iktar kompetittiv.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li dawn ir-remote workspaces huma riżultat ta' studji, proġett pilota u esperjenzi li bdew qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus u li minnhom tgħallimna u sawwarna l-istrateġija għal quddiem. Huwa spjega kif fil-pandemija, is-Servizz Pubbliku baqa' l-uniku magna tiffunzjona fil-pajjiż u rnexxielu jdawwar ċirkostanzi diffiċli f'opportunitajiet filwaqt li għamel użu mill-esperjenza miksuba ta' teleworking biex imur għall-kunċett modern ta' remote working li joffri bilanċi ġodda bejn il-familja u x-xogħol. Telework ifisser li individwi jaħdmu mid-dar. Min-naħa l-oħra, permezz ta' remote working persuna taħdem minn fejn trid u mhux neċessarjament mid-dar, filwaqt li dan il-kunċett japplika wkoll għal dipartimenti sħaħ.
Is-Sur Cutajar qal li dan ma setax isir kieku s-Servizz Pubbliku ma kellux il-kuraġġ li fis-snin li għaddew jinvesti €150 miljun fit-teknoloġija, li bihom armajna lill-uffiċjali b'laptops u apparat plug and play li żiedu bil-kbir il-flessibilità. Permezz tal-analiżi ta' dak li seħħ tul l-ewwel fażi tal-pandemija, is-Servizz Pubbliku sab li din il-flessibilità wasslet biex minn djarhom il-ħaddiema esperjenzaw żieda fil-motivazzjoni tagħhom. Kien hemm effetti pożittivi fuq it-traffiku, l-ambjent, l-impjegati rebħu l-ħin u żdiedet il-produttività. Huwa obbligu illi dawn l-effetti nikkonservawhom u nsaħħuhom għax is-Servizz Pubbliku għandu obbligi ċari lejn is-soċjetà, qal is-Sur Cutajar.
Huwa ħabbar li s-Servizz Pubbliku qed jaħdem fuq it-tfassil ta' policy ġdida li tirregola r-remote working u tindirizza għadd ta' aspetti. Dan kollu biex is-servizz jibqa' dejjem mogħti bl-aqwa livelli ta' eċċellenza. Fuq kollox se jsir taħriġ speċifiku għall-ħaddiema kollha li se jaħdmu remotament kif ukoll lill-management mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi.
Fl-inawgurazzjoni tkellem ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, is-Sur Anthony Gatt. Huwa qal li apparti dan il-proġett ta' remote working, il-ministeru qed jaħdem fuq il-proġett pilota tal-efiling system, li qed teħodna dejjem aktar lejn il-proġett ferm akbar tal-paperless office u l-proġett l-ieħor ta' diġitalizzazzjoni tal-fleet management system. Huwa qal li dan qed isir biex dejjem inkomplu nagħmlu lill-impjegati tagħna effettivi u effiċjenti. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema fil-ministeru tal-impenn li wrew biex din il-ħolma setgħet issir realtà u lis-Segretarju Permanenti Ewlieni.