Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210082

PR210082

15/01/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA: Investiment ieħor sinifikanti fil-ġustizzja – uffiċini ġodda għall-Avukat tal-Istat

​​


Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis inawgura l-uffiċċju l-ġdid tal-Avukat tal-Istat. Dan għamlu fil-preżenza tal-Avukat tal-Istat Chris Soler li kien maħtur proprju nhar it-Tnejn, 17 ta’ Ottubru 2020. Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permamenti Johan Galea. 

Il-Ministru Zammit Lewis enfasizza l-importanza ta’ dan il-bini li ta lok biex l-Avukat tal-Istat ikun jista’ jopera aħjar. L-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat beda jopera f’Diċembru tal-2019 meta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali nqasam fi tnejn u r-rwol tal-Avukat Ġenerali ma baqax ta’ konsulent ewlieni tal-gvern u Avukat tal-Gvern – dan ir-rwol ġie mogħti lill-Avukat tal-Istat. L-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat huwa inkarigat li jaġixxi fl-interess tal-pubbliku u jissalvagwardja l-legalità ta’ kwalunkwe azzjoni mill-Istat. Apparti minn hekk, dan l-uffiċċju jwettaq dmirijiet u funzjonijiet oħra li jiġu konferiti mill-Kostituzzjoni jew minn kwalunkwe liġi oħra.

Il-Ministru Zammit Lewis fakkar li kull uffiċjal legali li jaħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat huwa obbligat li jsegwi Kodiċi ta’ Etika għal Avukati u Prokuraturi Legali li hi speċifika għalihom.

Statistika importanti marbuta ma dan l-uffiċċju hija dik tar-rappreżentanza fil-Qorti. Kienu l-Avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat li rrappreżentaw lill-Gvern f’648 każ, u li preżentaw 5,444 Att (dokumenti) il-Qorti.

L-Avukat tal-Istat Chris Soler qal li l-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat bħala uffiċċju indipendenti stabbilit mill-Kostituzzjoni ftit iżjed minn sena ilu kien jikkostitwixxi waħda mir- riformi ewlenin fost ir-riformi importanti li saru reċentement għat-tisħiħ tas-saltna tad- dritt u tas-separazzjoni tal-poteri f’pajjiżna.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Edward Zammit Lewis irrimarka dwar l-importanza ta’ dan l-appuntament, dan ukoll għaliex illum ħabat proprju sena mid-data li fiha hu ġie maħtur Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza. Huwa rringrazzja lill-Avukat tal-Istat, lill-ħaddiema kollha tal-istess uffiċċju tax-xogħol siewi tagħhom, flimkien mal-ħaddiema tal-Cleansing and Maintenance Department li ħadmu sabiex reġgħu taw il-ħajja lil dan il-bini. Irringrazzja wkoll lill-predeċessur ta’ Chris Soler, l-ewwel Avukat tal-Istat, li llum qed isservi fil-kariga ta’ Avukat Ġenerali, Victoria Buttigieg.

Il-ministru għalaq id-diskors tiegħu billi rrimarka li filwaqt li l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat huwa istituzzjoni ferm importanti għall-‘buon governanza’ fil-pajjiż, hu jħares ‘il quddiem biex dan l-uffiċċju jibqa’ jaħdem u jgħin biex jiġi mħares il-poplu Malti u Għawdxi fid-drittijiet tiegħu.