gov.mt

pr210099

PR210099

19/01/2021

​STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: “Il-proġett tal-Marsaxlokk Waterpolo Club se jkompli jsaħħaħ il-potenzjal turistiku fin-Nofsinhar ta' Malta" ​

​​B'investiment ta' 'l fuq minn €2.5 miljun, f'Marsaxlokk ser jitnieda proġett b'faċilitajiet tal-ogħla livell li jinkludu pixxina b'ilma msaħħan, gym, fitness centre, u anke klinika għar-residenti tal-lokal.  

 

Għal attività li saret biex jiġi spjegat l-impatt pożittiv li ser iħalli dan il-proġett ġewwa l-Marsaxlokk Waterpolo Club kien hemm preżenti numru ta' persuni mill-komunità Xlukkajra,  il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, kif ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Ronald Mizzi. 

 

F'kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Clayton Bartolo qal li minkejja li Malta hija żona turistika waħda, dan l-investiment ser ikompli jsaħħaħ il-potenzjal turistiku fin-Nofsinhar ta' Malta. “Nemmen bis-sħiħ li dan il-proġett ser imur lil hinn minn sempliċiment provediment ta' faċilitajiet. Anzi ser ikompli jtejjeb il-prodott ta' kwalità li noffru kemm lit-turist u dak domestiku. Bil-kwalità igawdi l-Malti u anke dak it-turist li jiġi jżurna u li permezz ta' dan kollu jirnexxielna nħallu fuqu marka pożittiva", kompla jgħid il-ministru. 

 

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka wkoll dwar kif is-sitwazzjoni ta' bħalissa titlob l-involviment ta' kulħadd, irrispettivament mit-tribaliżmu politiku, u qal li “Malta tinsab f'tellieqa dinjija, biex meta l-pandemija tkun kapitlu tal-passat, pajjiżna jkun imħejji u b'saħħtu iżjed minn kif kien qabel dawn iż-żminijiet ta' sfida li għaddejjin minnhom".

 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Ronald Mizzi saħaq dwar kemm huwa importanti li l-industrija tat-turiżmu ttieħed fil-kuntest wiesa' tal-ħajja tas-soċjetà inġenerali. Huwa tenna kif dan il-proġett jifforma parti minn kullana ta' proġetti u inizjattivi oħra għar-riġenerazzjoni ta' Marsaxlokk.   

 

Is-Sur Victor Fenech, President tal-Marsaxlokk Aquatic Sports Club qal li fl-aħħar bdiet it-triq f'dik li hija meqjusa bħala l-ħolma Xlukkajra. “Issa li anke l-Awtorità tal-Ippjanar approvat dan il-proġett, l-investiment mill-gvern ċentrali li qed isir f'Marsaxlokk ser jgħin biex dan il-villaġġ pittoresk tant magħruf għas-sajd u l-għawm jiġbed iżjed nies biex jżuru din il-lokalità."