Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210199

PR210199

29/01/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Jibdew jitqassmu l-ittri ta’ stedina għall-vaċċin tal-COVID-19 lill-anzjani ta’ bejn 80 u 84 sena

Fil-jiem li ġejjin, l-anzjani li għandhom bejn 80 u 84 sena u li jgħixu fi djarhom se jibdew jirċievu l-ittra t’ appuntament għall-vaċċin tal-COVID-19, bid-dati, ħinijiet u l-post tal-ewwel u t-tieni doża tal-vaċċin. 

L-ittra se tintbagħat fuq l-indirizz li l-anzjani għandhom irreġistrat fl-iskema tal-‘Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek’ (POYC) u għalhekk il-post magħżul għat-tilqima se jkun fl-akwati ta’ dan l-indirizz. 

Anzjani li għandhom xi kundizzjoni medika li ma tippermettix li joħorġu mid-dar, iċċertifikata mit-tabib tal-familja, huma mitluba jċemplu fuq il-linja tal-assistenza 145, mingħajr ħlas. 

Anzjani li għandhom ’il fuq minn 80 sena u li ma jirċevux l-ittra sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla huma mitluba jċemplu 145 sabiex isiru l-arranaġamenti neċessarji. 

Il-Ministeru għas-Saħħa huwa konxju li hemm il-possibbiltà li persuni li ħallewna għadhom imniżżla fil-listi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, u għalhekk huwa possibbli li dawn il-persuni xorta waħda jirċievu stedina fl-aħħar indirizz li kienu reġistrati fih. Filwaqt li jiskuża ruħu ta’ dan, il-Ministeru jappella sabiex il-familjari ta’ dawn il-persuni iċemplu 145 u javżaw lill-awtoritajiet bil-każ.