80% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali ġew indirizzati
L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni jilqa' b'sodisfazzjon l-eżerċizzju li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) li fih nstab li 80% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali ġew indirizzati mis-Servizz Pubbliku.
Ir-rapport ġie ppreżentat ilbieraħ mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara u d-Deputat Awditur Ġenerali Noel Camilleri waqt laqgħa mas-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar. F'din il-laqgħa ġew diskussi l-istrutturi mwaqqfa u kif is-sistema issa stabbilita fis-Servizz Pubbliku fir-rigward ta' rakkomandazzjonijiet tal-NAO u istituzzjonijiet oħra qed tħalli l-frott.
Dawn ir-rapporti ta' segwitu mill-NAO jixhdu proċess ċar ta' serjetà, kontabilità u trasparenza. Ir-riżultat ta' dan ir-rapport jikkonferma l-persentaġġ mogħti mis-Servizz Pubbliku fir-rendikont li jagħti ta' kull sena dwar il-miżuri implimentati – rendikont li s-Servizz Pubbliku issa ilu jagħti mill-2014 għall-istess rapporti annwali tal-Awditur Ġenerali.
Dan juri biċ-ċar kemm ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali u istituzzjonijiet oħra ta' skrutinju jingħataw importanza mis-Servizz Pubbliku, biex dejjem tkun sostnuta l-governanza b'saħħitha u l-kontabilità.
Dan ikompli jikkonferma wkoll kemm l-amministrazzjoni pubblika qiegħda kulma tmur tikseb riżultati inkoraġġanti f'dawn it-tip ta' verifiki, hekk kif qiegħda ssir ukoll prassi li f'numru ta' verifiki jiġu rrappurtati prattiki tajbin fejn l-Awditur Ġenerali ma jsibx difetti u ma jressaqx rakkomandazzjonijiet għal titjib.
Is-Servizz Pubbliku se jkompli jiffoka fuq il-kontabilità hekk kif din se tkun waħda mill-prinċipji ewlenin li fuqha se tkun imsejsa l-istrateġija ġdida għas-snin li ġejjin. Issa li s-Servizz Pubbliku għadda mit-tiġdid għat-tisħiħ, se tkompli l-enfasi fuq strutturi li jagħtu permanenza, biex ir-rapporti mill-istituzzjonijiet jibqgħu jiġu segwiti b'mod professjonali kif kien qed isir fl-aħħar snin.