gov.mt

pr211258

R211258

02/07/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA U L-INDUSTRIJA U MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

Il-gvern f'diskussjonijiet mal-industrija, mal-unions u mas-settur edukattiv sabiex it-taħriġ u x-xogħol jimxu f'sinerġija mal-ħtiġijiet tal-ekonomija tal-futur

 

Il-Ministri Justyne Caruana, Silvio Schembri u Clayton Bartolo jindirizzaw il-Viżjoni Ekonomika ta' Malta 2021-2031, il-Konsultazzjoni Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni u x-Xogħol, u jisħqu li l-ikbar sfida li għandha Malta mhux it-tkabbir tal-ekonomija iżda li ssostni t-talent uman u tattira l-aqwa talent fuq livell globali

 

Il-gvern bħalissa qiegħed jitkellem mal-industrija privata u mal-unions sabiex jidentifika n-nuqqas ta' ħiliet li qegħdin jesperjenzaw fir-riżorsa umana u fl-istess waqt qed jaħdem mal-istituzzjonijiet edukattivi sabiex l-iskills gap jiġi indirizzat b'korsijiet ġodda. B'hekk ikun assigurat li l-ħiliet meħtieġa qegħdin jiġu indirizzati u ż-żgħażagħ isibu impjieg ta' kwalità mal-ewwel fl-industrija.

 

Dan intqal mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri f'wieħed minn sensiela ta' seminars li qed jiddiskutu kull wieħed mill-ħames pilastri deskritti fid-dokument tal-Viżjoni Ekonomika 2021-2031 ta' Malta għal konsultazzjoni nazzjonali. Is-sessjoni, organizzata mill-MIMCOL, indirizzat it-tielet pilastru tad-dokument, l-Edukazzjoni u x-Xogħol, li fiha pparteċipaw il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo. Ipparteċipaw ukoll fl-avveniment partijiet interessati minn entitajiet tal-gvern, is-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet mhux governattivi.

 

“L-ikbar sfida li għandha Malta mhux it-tkabbir tal-ekonomija iżda li ssostni t-talent uman li għandha u li tibqa' tattira l-aqwa talent fuq livell globali. Malta trid tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa li fihom il-kapital uman jista' jakkwista l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa għall-bini tal-ekonomija tal-futur. Dan filwaqt li toħloq impjiegi ta' kwalità u kundizzjonijiet għolja u tassigura li tibqa' attraenti bħala d-dar naturali għal talent globali," qal il-Ministru Schembri.

                                                                                                                                          

Il-Ministru Schembri nnota li hekk ix-xejriet ekonomiċi qegħdin jinbidlu b'mod partikolari hekk kif deħlin b'ritmu iżjed mgħaġġel lejn ir-rivoluzzjoni industrijali bbażata fuq mezzi tat-teknoloġija diġitali avvanzata, il-ħiliet meħtieġa wkoll qegħdin jimxu id f'id ma' dan l-iżvilupp. “Hemm domandi ġodda fis-suq u hemm bżonn li nisimgħuhom iżjed, nifhmu xi trid l-industrija minnha nnifisha, naraw il-vantaġġi u l-opportunitajiet li ġab miegħu dan ix-xenarju li jamalgamaw flimkien ambjent dinamiku ta' edukazzjoni u impjiegi".

 

Ta eżempju konkret bil-qasam tal-manifattura. Filwaqt li amministrazzjonijiet preċedenti bassru li din ser tispiċċa, waqt il-pandemija mhux talli wriet reżiljenza, talli aġġustat għaż-żminijiet moderni li wasslet biex diversi fabbriki kabbru l-operat u l-kapaċità produttiva tagħhom. “Settur li tradizzjonalment kien dominat minn proċessi mħaddma min-nies, illum huma proċessi awtomatiċi, iktar effiċjenti, imħaddmin mill-istess impjegati iżda b'taħriġ iktar avvanzat".

 

Il-Ministru Schembri saħaq dwar l-importanza tan-negozji u tal-istartups fl-ekonomija Maltija u ħeġġeġ lill-edukaturi sabiex minn età żgħira jnisslu mħabba fit-tfal lejn xogħol fl-intraprenditorija li bl-avvanz fit-teknoloġija qed toffri oqsma innovattivi fosthom fid-diġitali. Ħeġġeġ liż-żgħażagħ ma jibżgħux mir-riskji li jġibu magħhom karrieri fl-intraprenditorija għax dak huwa s-sisien tas-suċċess.

 

Rigward it-talenti globali, il-Ministru Schembri qal li Malta hija attraenti ħafna minħabba l-klima, il-kultura, il-lingwa Ingliża, l-infrastruttura diġitali b'saħħitha u l-inċentivi kompetittivi. Qal li dawn l-esperti barranin huma importanti fl-ekonomija Maltija għaliex ikomplu jrawmu lill-ħaddiema lokali bl-esperjenza vasta tagħhom barra minn xtutna.

 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana tkellmet dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni Diġitali u l-Ħiliet Transversali li għadha kemm tnediet, kif ukoll dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET). “Bħala ministeru issa rridu nkomplu naħdmu biex inbiddlu l-isfidi attwali f'opportunitajiet ħalli niksbu l-għarfien għal tranżizzjoni bla xkiel lejn tagħlim onlajn", qalet il-Ministru Caruana waqt li rreferiet għall-pandemija tal-Covid-19 li wasslet għall-ħtieġa ta' pjattaformi diġitali biex tkun żgurata l-kontinwazzjoni tal-lezzjonijiet u tat-tagħlim.

 

Meta tkellmet dwar is-suġġetti VET, il-Ministru Caruana qalet, “Jekk inħarsu lejn l-MCAST naraw li dan il-kulleġġ qed jirrevedi l-pjan strateġiku tiegħu li huwa mmirat biex ikompli jtejjeb l-esperjenza ta' tagħlim u xogħol tal-istudenti u tal-istaff akkademiku fuq bosta fronti. Il-gvern qed jappoġġa lill-industrija b'investiment ta' €2.75 miljun biex f'dawn iż-żminijiet ta' sfida l-istudenti jingħataw opportunitajiet ta' apprendistat". Il-Ministru Caruana semmiet ukoll il-konsultazzjoni li qed issir mal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol fit-tfassil ta' Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet li jkun strutturat tajjeb u li jinkludi kollaborazzjoni ma' entitajiet li jħaddmu.

 

F'kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo rrimarka li s-setturi ekonomiċi, b'mod partikolari s-settur tal-ospitalità, għandu jkun hemm enfasi importanti biex pajjiżna jħaddan il-kwalità fl-esperjenza kemm għat-turist domestiku u anke dak barrani. “F'dinja li qed tinbidel kuljum, il-kwalità trid issir l-ordni tal-ġurnata. Is-settur turistiku huwa pilastru importanti fl-ekonomija tal-preżent u tal-futur. Xogħolna huwa li nkomplu ntejbu l-prodott tagħna biex verament Malta tkun ċentru ta' eċċellenza turistika," qal il-Ministru Clayton Bartolo.

 

Id-dokument ta' viżjoni ekonomika jisħaq li biex Malta ssir future-proof fis-settur tal-edukazzjoni u x-xogħol sal-2031, għandhom jiġu implimentati diversi miżuri, bħal:

 

• Tfassal il-qafas tal-ħiliet futuri u tagħti prijorità lill-għeluq tal-lakuni fil-ħiliet

• Tallinja l-kurrikuli edukattivi mal-ħiliet meħtieġa għall-ekonomija ta' għada

• Tistabbilixxi Malta bħala ċentru internazzjonali ta' eċċellenza fl-edukazzjoni

• Tagħmel mill-ġdid u żżid il-forza tax-xogħol bil-ħiliet meħtieġa għall-ekonomija ta' għada

• Tattira u żżomm talent divers waqt li trażżan il-brain drain tal-aqwa talent

 

Dawk kollha interessati li jipparteċipaw fil-proċess ta' konsultazzjoni nazzjonali jistgħu jżuru https://economicvision.mimcol.com.mt/ biex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

 

Il-proċess ta' konsultazzjoni se jibqa' miftuħ sal-31 ta' Lulju 2021.