gov.mt

pr211287

PR211285

07/07/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Aktar persuni jibbenefikaw minn mediċini b’xejn


F'sena waħda l-gvern jinvesti €150 miljun f'mediċini b'xejn u f'apparat kirurġiku li minnhom igawdu madwar 230,000 persuna — Dan l-investiment f'mediċini fil-formularju tal-gvern qed jiżdied b'€10 miljun fis-sena

 

Dan ħabbru l-Prim Ministru Robert Abela f'konferenza tal-aħbarijiet flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li fiha ngħataw id-dettalji dwar mediċina ġdida li se jkollhom aċċess għaliha, għall-ewwel darba, persuni li jbatu mis-Cystic Fibrosis.

 

Din il-mediċina ġdida li se tkun qiegħda ttaffi ftit mit-tbatija ta' 14-il persuna li tbati mis-Cystic Fibrosis b'investiment ta' €3 miljun fis-sena – ammont li, fi kliem il-prim ministru, jixhed id-diffikultà li l-pazjent jixtriha.

 

“Lil hinn min-numri, din il-mediċina li daħħalna fil-formularju tal-gvern hija investiment ieħor fil-kwalità tal-ħajja tal-persuni. Se tkun qiegħda ttaffi ftit mit-tbatija li jgħixu kuljum dawn in-nies –  mhux biss huma, iżda anke l-qraba u l-ħbieb tagħhom li ta' kuljum ikunu maġenbhom biex ituhom l-għajnuna."

 

“Meta tisimgħuna tant nitkellmu fuq ekonomija, xogħol u investiment inkunu qed nagħmlu dan biex il-pajjiż ikun sod biżejjed biex nieħdu inizjattivi bħal dawn", stqarr il-prim ministru, filwaqt li sostna li s-settur tas-saħħa hu prijorità.

 

Fil-fatt, il-gvern fl-2020 investa ukoll ammont addizzjonali ta' €110 miljun biex pajjiżna jkun jistà jaffaċċja l-pandemija. €80 miljun marru għax-xiri tal-ilbies protettiv, ventilators u swab tests, fost oħrajn, flimkien ma' aktar minn €30 miljun li qed jintużaw għax-xiri tal-vaċċin kontra l-COVID-19 matul din is-sena.

 

Dr Abela temm jgħid li l-investiment hu frott l-għaqal tal-Għawdxin u l-Maltin. “Il-bżulija tal-poplu tagħna nsarrfuha f'investiment lura fih. Meta ngħidu li aħna gvern għan-nies, għal dawn il-prijoritajiet inkun qed nirreferi. Irridu nkomplu noħolqu l-ġid biex ikollna iktar okkażjonijiet bħal tal-lum. Għax ma hemm xejn isbaħ mill-ħajja. Għalhekk, irridu nieħdu kull inizjattiva biex f'pajjiżna kulħadd jgħix bid-dinjità li tixraqlu."

 

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li l-mediċini differenti li se jingħataw lill-pazjenti bis-Cystic Fibrosis, mingħajr ħlas, huma l-iżjed mediċini avvanzati fis-suq, u jiswew mal-€200,000 kull pazjent fis-sena.

“Għal ħafna snin is-cystic fibrosis kienet kundanna, ħafna mit-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom din il-kundizzjoni jqattgħu ħafna ħin l-isptar, iżda bil-mediċini ġodda li introduċejna llum, se titwal il-life expectancy ta' dawn il-pazjenti, se titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħhom, u se jitnaqqas il-bżonn li dawn il-pażjenti jattendu ħafna visti l-isptar."

 

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne tkellem ukoll dwar kif il-mediċini varji introdotti llum japplikaw għall-kundizzjonijiet tas-cystic fibrosis differenti, u għalhekk se tkun qed tingħata kura individwali u speċifika lill-pazjenti preżenti.​