gov.mt

pr211315

PR211315

11/07/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI


Żewġ ħaddiema tas-Servizz Pubbliku weġġgħu aktar kmieni l-Ħadd filgħodu waqt li kienu qed jagħmlu xogħol ta' tindif u manutenzjoni bħala parti mill-kampanja 'Insebbħu Pajjiżna'.


Il-ħaddiema minn Ambjent Malta nqabdu bejn il-vettura tagħhom u vettura oħra li kienet qed tinstaq fi Triq Ras il-Qawra, fil-Qawra. Iż-żewġ ħaddiema kienu qed jagħmlu xogħol ta' żebgħa u manutenzjoni ta' pedestrian railings fl-inħawi.


Il-kampanja 'Insebbħu Pajjiżna' din id-darba qed tikkonċentra fuq San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra, fost inħawi oħra, u x-xogħol qed jitwettaq kemm matul il-jum sa tard filgħaxija, u anke fi tmiem il-ġimgħa.


Il-ħaddiema ttieħdu l-Isptar Mater Dei filwaqt li l-pulizija qed tinvestiga l-każ.


L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-ħaddiema involuti u jawguralhom fejqan ta' malajr. L-uffiċċju qed iżomm kuntatt regolari u se jibqa' jsegwi l-aħħar żviluppi dwar dan il-każ.

​