gov.mt

pr211324

PR211324

13/07/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Min-nhar it-Tnejn, kull min irid jieħu l-vaċċin tal-COVID-19 jista’ jitlaqqam bla appuntament

Min-nhar it-Tnejn 19 ta’ Lulju 2021, persuni residenti f’ Malta u Għawdex li għadhom ma ħadux it-tilqima kontra l-COVID-19, jistgħu jitlaqqmu bla appuntament billi jżuru: 

- Malta: Gateway Hall, l-Università ta’ Malta, mit-Tnejn sas-Sibt, bejn it-08:30-15:00;
- Għawdex: Gozo Conference & Expo Centre , mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bejn 08:30-15:00.

Tfal ta’ taħt is-16-il sena li se jiġu mlaqqma, bla appuntament, għandhom jippreżentaw dokument ta’ identifikazzjoni u għandhom ikunu akkumpanjati minn ġenitur li jista’ jagħti kunsens għat-tilqima. 

Min-nhar it-Tnejn ukoll se jibda jdur madwar Malta mobile unit li se jieqaf f’ diversi lokalitajiet skont skeda li se tiġi ppubblikata fil-jiem li ġejjin, dan bil-għan li l-għoti tal-vaċċin għall-adulti jkun dejjem iżjed aċċessibbli. 

F’kull każ, min jixtieq jitlaqqam huwa mitlub li jippreżenta l-karta tal-identità. Fin-nuqqas ta’ dan id-dokument, wieħed jista’ juri dokument t’identifikazzjoni ieħor flimkien ma’ prova li huwa residenti Malta. Eżempji ta’ provi li jistgħu jkunu preżentati jinkludu kont tad-dawl u l-ilma, kuntratt ta’ kiri ta’ post f’Malta, jew kuntratt ta’ impjieg f’Malta.