gov.mt

pr211328

PR211328

13/07/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Jitlesta t-tisbiħ tal-promenade kollu ta’ San Pawl il-Baħar

Tiġi fi tmiemha t-tieni inizjattiva ta' 'Insebbħu Pajjiżna'


Il-kampanja 'Insebbħu Pajjiżna' lestiet it-tisbiħ u l-manutenzjoni tal-promenade kollu ta' San Pawl il-Baħar, Qawra u Bugibba. F'din il-ħidma ta' tisbiħ, il-pedestrian railings kollha, li jammontaw għal 613, tnaddfu u nżebgħu mill-ġdid mill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku. Inżebgħu wkoll aktar minn 65 bank u 87 arblu tad-dawl, u tbiddlu 31 tabella u 40 bozza, biex b'hekk ingħata nifs ġdid lil dan il-promenade li jagħmlu użu minnu kuljum mijiet ta' Maltin u turisti.

 

Din hi biss parti mill-ħidma li saret f'dawn l-inħawi fl-aħħar jiem. Wara konsultazzjoni mal-kunsilli lokali fl-aħħar xhur, it-tieni inizjattiva ta' 'Insebbħu Pajjiżna' aġixxiet fuq ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom u, fost oħrajn, tnaddfu u nħaslu t-toroq kollha ta' San Pawl il-Baħar, Qawra, Xemxija kif ukoll Marsaxlokk. Minn dawn it-toroq li jammontaw għal aktar minn 100km, inġabru total ta' 27 tunellata ta' skart u materjal.

 

Fl-aħħar jum tal-kampanja, għamlu żjara lill-ħaddiema li kienu qed jaħdmu Buġibba l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista li hu responsabbli mill-Indafa Pubblika, u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar li l-uffiċċju tiegħu qed jikkordina din il-kampanja. Huma tkellmu mal-ħaddiema u rringrazzjaw lill-ħaddiema kollha involuti tas-sehem tagħhom f'din il-kampanja.

 

“Is-sanitazzjoni fil-lokalitajiet tagħna tibqa' kruċjali biex inkomplu nsebbħu lil pajjiżna. Ċertament li postijiet turistiċi bħal San Pawl il-Baħar joffru sfidi li jeħtieġ inkomplu nindirizzaw b'mod regolari u b'effiċjenza," saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.

 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista qal li bħalma sar fil-kampanja preċedenti, komplejna naħdmu qrib il-komunitajiet, din id-darba fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar u l-madwar. '"Fi ftit ġranet il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni ħadu ħsieb it-tindif u l-manutenzjoni ta' din il-lokalità minn tarf sa ieħor. Fost xogħol ieħor dan ammonta għal 27 tunellata ta' skart li tneħħew mit-toroq", sostna is-Segretarju Parlamentari Debattista.

 

“Fl-ewwel kampanja ta' Mejju li għadda dorna t-toroq arterjali u l-postijiet pubbliċi. Issa dħalna fl-irħula u l-ibliet, fit-toroq residenzjali u anke għamilna tindif taħt il-baħar. Sforz kollettiv tas-Servizz Pubbliku biex inħallu ambjent aktar nadif u insebbħu pajjiżna," qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni.

 

Is-Sur Cutajar żied jgħid li permezz tal-memorandum of understanding li ġie ffirmat f'Ġunju li għadda bejn diversi entitajiet tal-gvern, il-kampanja 'Insebbħu Pajjiżna' se tkun qed tirritorna f'Settembru li ġej.

 

Ix-xogħlijiet li saru jinkludu żebgħa u manutenzjoni ta' railings eżistenti, tindif ta' pavimentar, bdil ta' bozoz, żebgħa ġdida ta' traffic islands u central strips, ħasil ta' toroq, bdil u tindif ta' tabelli, tneħħija ta' dgħajjes abbandunati, manutenzjoni fuq bankijiet u għamara oħra tat-triq, installazzjoni ta' railings ġodda, tiswijiet ta' ħitan tas-sejjieħ u tal-franka, tneħħija ta' tabelli illegali u żebgħa ġdida tas-sinjali tat-traffiku mal-art.

 

Il-ħaddiema involuti ġejjin mid-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika, Parks Malta, Ambjent Malta, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Enemalta, Transport Malta u l-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi.​

​​