gov.mt

pr211380

PR211380

21/07/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Għaddej ix-xogħol fuq tliet żoni tal-Malta National Park


Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar il-Malta National Park fejn bħalissa għaddej ix-xogħol fuq tliet żoni ta' dan il-proġett ambjentali b'investiment ta' €20 miljun.

 

Tajjeb li nfakkru minn fejn tlaqna fejn hawnhekk kellna spazju dilapidat u mitluq b'eks-fabbrika tal-konkrit u li llum permezz tax-xogħlijiet li qed insegwu qegħdin naraw din il-ħolma nazzjonali tinqaleb minn fuq il-karta għar-realtà. Se nkunu qed nagħtu l-akbar u l-isbaħ park nazzjonali lill-familji Maltin u Għawdxin. Dan mhux se jkun ifisser spazju għar-rikreazzjoni biss iżda l-proġett tal-Malta National Park huwa wirja tal-viżjoni ta' dan il-gvern, gvern ambjentali fejn se jkun spazju li joffri nifs ħadrani u pulmun nadif bi 80,000 siġra ġdida. B'investiment ta' €20 miljun se nkunu qed nagħtu park ta' 450,000 metru kwadru ekwivalenti għal sittin grawnd tal-futbol li bla dubju ta' xejn huwa wieħed mill-akbar u l-aktar proġetti mistennija f'din l-aħħar ġenerazzjoni", qal il-Ministru Ian Borg.

 

Ix-xogħol għaddej fuq tliet żoni partikolari fosthom il-concert area, il-park nazzjonali u l-BOV Adventure Park.

 

L-ispazju l-ġdid tal-concert area ser joffri l-faċilitajiet kollha possibbli biex jistgħu jittellgħu attivitajiet tal-massa tal-ogħla livell, b'dawl innovattiv, teknoloġija moderna u sistema taħt l-art ta' servizzi sanitarji. Ser jiġu skavati ġwiebi ġodda għall-ħażna tal-ilma tax-xita, li jintuża għat-tisqija ta' din iż-żona rispettiva. Il-concert area se tkun mgħammra bi kiosks u bars u ż-żona kollha se tkun imħaddra permezz ta' turf naturali.

 

Ir-rinovazzjoni, riabilitazzjoni u anke estensjoni tal-Park Nazzjonali se tinkludi bosta xogħlijiet fosthom ir-restawr tal-entratura principali u tal-funtanta, xogħol ta' pavimentar, installazzjoni ta' dawl modern, tħawwil ta' siġar, facilitiajiet ġodda għal forom ta' arti differenti, fosthom it-teatru u spazju għal esebizzjonijiet ta' xogħlijiet artistiċi.

 

Min-naħa l-oħra, ix-xogħlijiet għar-riabilitazzjoni tal-BOV Adventure Park jinkludu installazzjonijiet ta' sistemi ta' enerġija rinovabbli bħal pannelli fotovoltajiċi u bankijiet solari, play equipment modern, rubber flooring, u sistema ġdida ta' interactive fountains u tisqija.

 

Beda wkoll ix-xogħol preparatorju tat-tneħħija ta' Nissen huts u tal-kostruzzjoni tal-parkeġġ tal-karozzi.​