gov.mt

pr211384

PR211384

21/07/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U L-GOVERNANZA Ammont t’offiżi żgħar ser jibdew jinstemgħu mill-Kummissarji għall-Ġustizzja – Miżura oħra favur aktar effiċjenza tal-Qrati tal-Maġistrati


Il-Kummissarji għall-Ġustizzja issa għandhom il-poter illi jibdew jippresjedu wkoll fuq seduti li huma kkunsidrati bħala ksur ta' liġi minuri, liema kontravenzjonijiet jaffettwaw l-paċi pubblika, persuni oħra, u/jew proprjetà ta' ħaddieħor. Dan tħabbar mill-ministru responsabbli mill-ġustizzja u l-governanza Edward Zammit Lewis.

 

Matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Zammit Lewis spjega li, storikament, dan il-proċess ta' dipenalizazzjoni beda erbgħin sena ilu hekk kif inħass il-bżonn li tinħoloq sistema biex jiġu mismugħha każi ta' impatt żgħir. Din il-ħtieġa kienet inħasset hekk kif id-dipenalizazzjoni t'offiżi f'Malta bdew jiġu klassifikati bħala offiżi amministrattivi u mhux kriminali.

 

Illum, din l-inizjattiva qed tassigura li l-Qrati tal-Ġustizzja ma jkunux mgħobbija b'każi li jistgħu jiġu faċilment mismugħha u maqtugħha mill-Kummissarji tal-Ġustizzja. B'hekk, il-Qrati tal-Maġistrati, jiffokaw aktar fuq ir-reati kriminali l-aktar serji u jinstemgħu fi żmien raġjonevoli u b'aktar effiċjenza.

Il-Ministru Zammit Lewis fakkar kif flimkien mad-diġitilizzazzjoni, ir-riformi u proċeduri oħra, dan il-Gvern qed ikompli juri kemm huwa vera jrid ikompli jsaħħah il-qrati tagħna b'aktar effiċjenza. “Il-ħidma tiegħi f'dan ir-rigward ser tkompli. Kommess li nkompli nassigura li ċ-ċittadini għandhom istituzzjonijiet li jistgħu jirreferu għalihom u jieħdu sodisfazzjon, permezz ta' qafas leġislattiv b'saħħtu,  b'investiment bla preċedent u b'aktar effiċjenza".

 

Preżenti wkoll kien hemm il-Kummissarju tal-Liġijiet l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi li daħħal fid-dettall tal-emendi mħabbra u x-xogħol importanti li twettaq biex il-Gvern wasal għal dan l-Abbozz ta' Liġi.

 

 

​