gov.mt

pr211385

PR211385

21/07/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Ninvestu fil-ħiliet artistiċi: inawgurat investiment ta’ €5 miljun fl-Iskola tal-Arti

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, inawgura l-proġett ta' restawr tal-Iskola tal-Arti fil-Belt Valletta li tifforma parti mill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, b'investiment ta' €5 miljun mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada.

Proġett li fi kliem il-Prim Ministru jgħaqqad flimkien il-patrimonju kulturali u l-futur fis-settur tal-arti.

“Ħames miljun ewro investiment għar-restawr ta' din il-binja fil-Belt biex minnha nindokraw it-talent tal-mijiet ta' persuni li jagħżlu l-Iskola tal-Arti biex jiżviluppaw il-ħiliet artistiċi tagħhom. L-aspirazzjoni tagħna hija li min jiġi f'din l-iskola joħlom li jista' jilħaq il-livelli tal-individwi li bil-kreattività tagħhom ikontribwixxew fl-iżvilupp tal-identità tagħna bħala Maltin."

Dr Abela tenna l-impenn tal-gvern fis-settur artistiku u li permezz ta' dawn il-proġetti qed titfassal viżjoni ċara fejn l-artisti jkollhom fejn jimirħu u jesponu x-xogħol tagħhom.

“M'għandiex dubju li dan iċ-ċentru se joffri lill-madwar 500 artist li ta' kull sena jsegwu korsijiet fih ambjent aktar adattat biex jimmotiva aktar is-sens kreattiv u tnissil ta' ideat innovattivi. Din l-iskola tikkumplimenta x-xogħol eċċellenti li jsir f'diversi istituzzjonijiet oħra bħal l-MCAST u l-Università ta' Malta, fost oħrajn. Huwa sinifikattiv li dan l-investiment sar ukoll f'perjodu ta' pandemija. U mhux l-uniku wieħed. F'Marzu, ftaħna il-Valletta Design Cluster b'investiment ta' €10 miljun. Post ieħor fejn żewwiġna l-imgħoddi mal-futur bil-għan li l-artisti tagħna jkollhom iktar fejn jimirħu, kif ukoll jesponu x-xogħol tagħhom."

F'dan il-kuntest, il-Prim Ministru semma l-għajnuna li qed joffri l-gvern lill-artisti f'pajjiżna bil-għan li jkomplu jifjorixxu fit-talent tagħhom u joffru l-aqwa potenzjal.

“Kien għalhekk li permezz ta diversi skemi u inizjattivi, rajna li ninvestu fihom. Qed nimplimentaw il-programm RESTART maħruġ mill-Kunsill Malti għall-Arti, b'investiment li jlaħħaq il-ħames miljun u nofs ewro fuq perjodu ta' sena. Programm iffokat għall-artisti u dawk involuti fis-settur kreattiv. Irridu li s-suċċess li kiseb dan is-settur fis-snin ta' qabel il-pandemija jerġa jaqbad ir-ritmu," ikkonkluda l-Prim Ministru.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li l-investiment tal-Gvern fil-qasam edukattiv huwa investiment mifrux fuq livelli u wkoll fuq setturi differenti, li lkoll flimkien huma investiment f'uliedna.

“Investiment li mhuwiex biss fit-tagħlim, mhuwiex biss fl-edukaturi tagħna, imma huwa wkoll investiment fid-dar tagħhom—il-binja li tilqa' fiha kemm lill-edukaturi u wkoll lill-istudenti biex jieħdu t-tagħlim tagħhom, biex ikattru l-ħiliet tagħhom. U ninsab sodisfatta llum, għaliex l-inawgurazzjoni ta' din l-iskola, hija wkoll iċ-ċelebrazzjoni tal-ħiliet tal-istudenti tagħna", qalet il-Ministru.

Il-Ministru Caruana semmiet diversi investimenti li qed isiru fis-settur edukattiv, fosthom ukoll boroż ta' studju u wkoll ftehim ma' entitajiet fis-settur biex il-ministeru jkompli jagħti l-importanza mistħoqqa lill-arti u l-espressjoni artistika, u wkoll biex jagħti aktar opportunitajiet lill-istudenti f'dawn is-suġġetti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada Dr Neville Young qal li proġett ta' restawr u tisbiħ bħal dan huwa parti minn kullana ta' proġetti li permezz tagħhom qegħdin nimmodernizzaw l-infrastruttura edukattiva ta' pajjiżna. 

“Dan hu investiment bla preċedent ta' aktar minn €100 miljun fl-iskejjel tal-istat, li aktar minn terz minnu hu fil-gżira Għawdxija. Il-proġetti tagħna jvarjaw minn bini ta' skejjel ġodda, bħal dik tar-Rabat, Għawdex u l-Imsida, kif ukoll l-immodernizzar u t-tkabbir ta' skejjel eżistenti," temm jgħid Dr Young. ​​

Fost l-aktar artisti rinomati li kellhom l-edukazzjoni formali tagħhom fl-iskola hemm: Antoine Camilleri, Victor Diacono, Harry Alden, Vincent Apap, Willie Apap, Esprit Barthet, Anton Inglott, u Carmelo Mangion.