gov.mt

pr211046

PR211046

02/06/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Assistenza lil dawk li jeħtieġu ċ-ċertifikat tal-vaċċin



Aktar effiċjenza fis-servizzi pubbliċi bl-introduzzjoni ta’ sistema ta’ callback

Mit-Tlieta t-8 ta’ Ġunju 2021, is-Servizz Pubbliku se jkun qed iżid servizz ieħor, fejn se jassisti fit-tniżżil jew l-istampar taċ-ċertifikat tal-vaċċin kontra l-Covid-19. Dan se jkun qed isir mill-hubs kollha ta’ servizz.gov, li jammontaw għal 23 fergħa mferrxin mal-pajjiż. Dan se jkun qed isir mingħajr ħlas. 

Is-Servizz Pubbliku mhux biss qed iżid is-servizzi iżda ffukat ukoll li jtejjeb il-kwalità u l-effiċjenza. Fil-fatt, is-Servizz Pubbliku se jkun qed jintroduċi s-sistema ta’ callback. Dan ifisser li jekk il-klijent ma jaqbadx mill-ewwel se jkollu l-għażla li jċemplulu lura. Dan jikkumplimenta l-viżjoni fejn permezz ta’ servizz.gov, il-klijent jirċievi servizz 24 siegħa kuljum. 

Dan sar magħruf waqt żjara mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, fl-uffiċini ta’ Centrecom, li huwa s-sieħeb strateġiku ta’ servizz.gov. F’din iż-żjara, li saret bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021, is-Sur Cutajar kien akkumpanjat minn Massimo Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ servizz.gov, u ddawwar mal-post minn Robert Spiteri, il-Kap Eżekuttiv ta’ Centrecom.

Is-Sur Cutajar qal li t-teknoloġija hija waħda mill-pilastri li fuqhom se tinbena l-istrateġija l-ġdida tas-Servizz Pubbliku għall-ħames snin li ġejjin, biex tkompli tissaħħaħ il-kwalità tas-servizzi offruti—liema servizzi f’dawn l-aħħar snin saru disponibbli minn kullimkien 24 siegħa kuljum is-sena kollha.

Żjara oħra bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku kienet dik li s-Sur Cutajar għamel fl-uffiċini tal-MITA, fejn intlaqa’ mill-Kap Eżekuttiv, Tony Sultana. Hawnhekk is-Segretarju Permanenti Ewlieni żar fost l-oħrajn taqsima ġdida li taħdem kontra attakki cyber.

Is-Sur Cutajar saħaq fuq il-ħtieġa li f’din l-era ta’ diġitalizzazzjoni, l-etika tkun imħarsa f’kull ħin. Tkellem ukoll dwar l-importanza tas-sigurtà tad-dejta u l-bżonn li l-informazzjoni ma jkun hemm l-ebda forma ta’ abbuż minnha.