gov.mt

pr211048

PR211048

02/06/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: It-teknoloġija: Il-qofol tat-tiġdid u ċ-ċavetta tat-tisħiħ fis-Servizz Pubbliku



Investiment ta’ €200 miljun li ssarraf f’iktar servizzi u effiċjenza

It-teknoloġija kienet il-qofol tat-tiġdid li seħħ fis-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar tmien snin u hija ċ-ċavetta tat-tisħiħ li se jsir fil-ġejjieni. Din is-sena se nkunu missejna l-€200 miljun f’investiment fit-teknoloġija għas-Servizz Pubbliku, li ssarrfu f’iktar servizzi u effiċjenza biex il-klijent jinqeda aħjar.

Dan qalu s-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, f’diskors li għamel f’laqgħa dwar l-użu tat-teknoloġija fis-Servizz Pubbliku. Il-laqgħa saret bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021, li għandha t-tema “Insaħħu s-Servizz Pubbliku”.

Is-Sur Cutajar qal li fl-2013 is-Servizz Pubbliku għaraf li ċ-ċavetta tal-ġejjieni hija t-teknoloġija, u ċ-ċirkostanzi tal-imxija tal-Covid-19 tawh raġun. It-teknoloġija għenet biex matul il-pandemija s-Servizz Pubbliku baqa’ jkun ta’ sostenn għall-poplu Malti u baqa’ l-mutur li jdawwar ir-rota meta setturi oħra siktu.

Il-viżjoni ta’ 24/7 li biha ġie varat it-tiġdid kollu fis-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar snin seħħet b’riħet it-teknoloġija u l-investiment qawwi li saru fiha. Investiment li ssarraf f’iżjed servizzi, ħidma aktar effiċjenti, u aċċessibbiltà tas-servizzi għal kulħadd minn kullimkien 24 siegħa kuljum is-sena kollha. “It-teknoloġija għenitna nbiddlu s-Servizz Pubbliku. Il-mod kif jingħata s-servizz, kif is-servizzi nġabru kollha taħt saqaf wieħed, kif is-servizz ikun dejjem miegħek fuq il-mobile, fuq il-laptop, maġenbek,” qal is-Sur Cutajar.

Huwa fakkar li t-teknoloġija kif ippjanata u kif imħaddma poġġiet lil Malta fl-ogħla post fl-Ewropa għas-servizzi governattivi online, saħansitra qabel dawk li huma meqjusa l-ġganti f’dan il-qasam. Dan f’kuntest li pajjiżna jikklassifika l-ħames fl-Unjoni Ewropea fl-indiċi tal-ekonomija u soċjetà diġitali.

Is-Sur Cutajar żied jgħid li din il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku qed tiftaħ kapitlu ġdid permezz ta’ strateġija ta’ ħames snin li wieħed mill-elementi ewlenin tagħha hija t-teknoloġija. Hija t-teknoloġija li trid twassal biex nilħqu b’mod aħjar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol. Hija t-teknoloġija li trid tkun il-bażi li fuqha tistrieħ sistema ġdida ta’ mmaniġġjar ta’ vetturi governattivi jaħdmu bl-elettriku. U hija t-teknoloġija li se tkun il-qafas ta’ bidla radikali fil-mod kif il-gvern iżomm id-dokumenti tiegħu, li permezz tagħha nnaqqsu l-użu tal-karta u nimmaniġġjaw aħjar ir-reġistrazzjoni u l-ipproċessar ta’ dokumenti.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li ma jistax jonqos li l-istrateġija l-ġdida tikkonċerna wkoll l-etika fl-użu tat-teknoloġija u iktar u iktar fl-użu tal-intelliġenza artifiċjali. “Il-kontabbiltà ma tistax tintmess. In-nies irid jibqa’ jkollhom kontroll fuq id-dejta tagħhom u rridu nħaffulhom l-aċċess għal din id-dejta u għal dejta oħra li jkun hemm bżonn biex jinqdew. L-aċċessibbiltà tad-dejta u l-etika jnisslu fiduċja fin-nies li d-dejta tagħhom tkun qed tintuża kif suppost. Is-Servizz Pubbliku sab postu bħala leader f’diversi oqsma. Huwa leader ukoll fejn tidħol l-etika fl-użu tat-teknoloġija,” temm jgħid is-Sur Cutajar.