gov.mt

pr211065

PR211065

03/06/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Policy ġdida dwar ir-remote working fil-ġimgħat li ġejjin

Filwaqt li faħħar il-mod kif il-ħaddiema tal-gvern żammew il-pajjiż għaddej matul il-pandemija bi flessibbiltà, rieda u sens ta’ dover, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar saħaq fuq il-ħtieġa li jinħolqu bilanċi ġodda bejn dak meħtieġ mis-Servizz Pubbliku u dak meħtieġ mill-ħaddiema fi ħdanu. Dan permezz tar-remote working li jfisser bidla radikali f’kif titħaddem is-sistema, fejn dipartimenti sħaħ jistgħu joħorġu mill-uffiċċji u jaħdmu lil hinn minnhom. Din il-bidla, li se tirrikjedi investiment ikbar fit-teknoloġija u iktar taħriġ, se tkun elenkata f’policy ġdida fil-ġimgħat li ġejjin. 

Is-Sur Cutajar kien qed jitkellem f’konferenza li saret bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021 u li ddiskutiet in-nies, li huma fiċ-ċentru tat-tisħiħ li għaddej minnu s-Servizz Pubbliku. Huwa qal li n-nies huma fil-qalba tal-istrateġija ġdida tas-Servizz Pubbliku għall-ħames snin li ġejjin – strateġija li hi l-ewwel waħda tax-xorta tagħha u li tgħaqqad flimkien it-tliet elementi li jwasslu lis-Servizz Pubbliku biex jagħti servizz ta’ eċċellenza. In-nies se jkollhom kull opportunità biex jagħtu sehemhom għal din l-istrateġija. Fil-fatt diġà hemm gruppi ta’ ħidma li ħejjew il-prinċipji ewlenin u l-miri aħħarija tagħha.

Is-Sur Cutajar qal li l-uffiċjali pubbliċi huma konxji mit-tiġdid li sar f’dawn l-aħħar snin fis-Servizz Pubbliku. Joħroġ ċar ukoll li għandhom fiduċja fl-istrutturi u jħossuhom jagħmlu parti integrali minn din il-magna li tissejjaħ Servizz Pubbliku. Fil-fatt, minn studju li għamlu tliet akkademiċi fuq il-miżuri kollha li seħħew f’dan il-proċess ta’ tiġdid, jirriżulta li 77% tal-ħaddiema tal-gvern jemmnu li s-Servizz Pubbliku llum huwa aħjar u 64.5% jemmnu li l-kwalità tal-ħajja tagħhom hija aħjar milli kienet fl-2013. 87.3% jafu bit-tiġdid u bis-servizzi ġodda introdotti online u 84.6% użawhom. 

Meta nitkellmu fuq nies, kompla s-Sur Cutajar, inkunu qed​ infissru wkoll il-klijenti tas-servizz. Dan huwa l-ħsieb wara l-kunċett People 360. Hemm konnessjoni sħiħa bejn in-nies li jipprovdu s-servizz u n-nies li jirċevuh. Ma jistax ikollok sistemi ħżiena biex jingħata servizz u fl-istess ħin tistenna li jkollok klijenti sodisfatti. Għalhekk irid ikun hemm linja ċara li tgħaqqad in-nies tas-servizz fuq naħa u l-klijenti fuq in-naħa l-oħra.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni saħaq li t-twettiq li sar f’dawn l-aħħar snin ma kienx biss fil-provvista ta’ servizz aħjar u aktar aċċessibbli. It-twettiq sar ukoll fejn jidħlu l-ħaddiema tal-gvern. Bħalissa hemm 130 ftehim kollettiv mal-gvern li 43 minnhom huma miftuħa f’negozjati f’livelli differenti. Għall-ewwel darba l-korpi dixxiplinati jistgħu jissieħbu f’union u tjibulhom ukoll il-kundizzjonijiet tagħhom. Għall-ewwel darba wkoll sar ftehim kollettiv għall-ħaddiema kollha tal-gvern fuq medda ta’ snin ġmielhom li jagħtihom serħan il-moħħ. In-nisa sabu posthom fl-ogħla pożizzjonijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, tant li llum 46% tas-senior public officers huma nisa. Din iċ-ċifra hija tliet darbiet aktar mill-2012.