gov.mt

pr211068

PR211068

04/06/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI L-entitajiet li ħadu sehem f’“Insebbħu Pajjiżna” jintrabtu li l-kampanja tibqa’ għaddejja perjodikament


L-entitajiet u d-dipartimenti tal-gvern li ħadu sehem fil-kampanja “Insebbħu Pajjiżna” ntrabtu permezz ta’ memorandum of understanding li din il-kampanja tibqa’ għaddejja perjodikament biex isir tindif u manutenzjoni li jagħti bixra isbaħ lill-gżejjer Maltin. Il-ftehim fil-fatt jistipula li f’Lulju li ġej terġa’ ssir il-kampanja, u tibqa’ ssir regolarment minn hemm ’il quddiem.

L-entitajiet u d-dipartimenti li ffirmaw il-memorandum of understanding huma d-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Ambjent Malta, Infrastructure Malta, Parks Malta, il-Fondazzjoni għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi, l-Enemalta, Transport Malta u l-Aġenzija għas-Sistemi tal-Infurzar Lokali, flimkien mas-Segretarji Permanenti rispettivi.

Iċ-ċerimonja tal-iffirmar kienet waħda mill-attivitajiet tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021 u kienet preseduta mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, li l-Uffiċċju tiegħu kkordina l-kampanja “Insebbħu Pajjiżna”.

F’diskors li għamel, is-Sur Cutajar ta ħarsa lejn is-soluzzjonijiet li qed jadotta s-Servizz Pubbliku biex jindirizza titjib meħtieġ fi ħdanu, liema soluzzjonijiet joħorġu ’l barra minnu u jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-soċjetà usa’, u għalhekk jolqtu wkoll l-ambjent.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni semma kif, pereżempju, meta nħolqu s-servizzi online u l-one-stop-shops ta’ servizz.gov fir-reġjuni, ġie ffaċilitat it-tnaqqis fit-traġitti bil-karozzi għall-qadi fid-dipartimenti tal-gvern. L-istess fejn jidħol ir-remote working, li wkoll se jikkontribwixxi biex jonqos l-ivvjaġġar għax-xogħol mill-ħaddiema tal-gvern u allura jgħin lill-ambjent. Sal-aħħar ta’ din is-sena hu mistenni li jkun hawn 15-il ċentru bħala remote workspaces. Dawn se jiżdiedu s-sena d-dieħla skont kif tindika d-domanda. 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni spjega kif li tmur għar-remote working iġib miegħu tibdil ieħor meħtieġ, jiġifieri tnaqqis kbir fl-użu tal-karta. Diġà qed isiru tħejjijiet minn working group imwaqqaf apposta biex fi żmien mhux daqstant ’il bogħod jinbeda l-proċess biex naqilbu minn sistemi bbażati fuq il-karta għal sistemi li jistrieħu fuq it-teknoloġija. 

Is-Sur Cutajar semma wkoll kif wieħed mill-ikbar proġetti li għaddejja ħidma fuqhom bħalissa huwa dak tal-qalba għal flotta ta’ vetturi li ma jniġġsux l-ambjent għax jaħdmu bl-elettriku. Hawnhekk ukoll is-Servizz Pubbliku qed jasserixxi ruħu bħala leader fis-soċjetà. 

Proġetti oħra li twettqu mis-Servizz Pubbliku għal ambjent aħjar jinkludu r-riċiklaġġ tal-iskart, il-green public procurement, l-għassiesa tal-ambjent fis-siti Natura 2000, l-immaniġġjar b’sistemi effettivi tal-ilma, inkluż ir-ristrutturar tar-reverse osmosis, u ħafna oħrajn.

Ovvjament ma’ dawn tiżdied ukoll il-kampanja “Insebbħu Pajjiżna”. Din mhix kampanja ta’ darba, għax pajjiżna jixraqlu l-aħjar u rridu nibqgħu nagħtuh l-aħjar, qal is-Sur Cutajar filwaqt li saħaq li s-Servizz Pubbliku, anke fil-qasam tal-ambjent, qed jagħfas fuq il-kwalità, il-kontabbiltà, u s-sostenibbiltà llum u fil-ġejjieni.