gov.mt

pr211069

PR211069

04/06/2021

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA U L-INDUSTRIJA U MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Insaħħu n-negozji: €1 miljun fi skema ta’ vouchers sofor t’€10 għal kull lejl li t-turisti li jistudjaw l-Ingliż jqattgħu f’pajjiżna

​​

  • 4,700 negozju u 40 skola tal-Ingliż ser jibbenefikaw minn din l-iskema ta' massimu ta' €300 għal kull turist student tal-Ingliz f'pajjiżna bħala parti mir-riġenerazzjoni ekonomika

 

In-negozji f'pajjiżna ser jiġu msaħħa permezz ta' €1 miljun fi skema ta' vouchers t'€10  għat-turisti li jistudjaw l-Ingliż f'pajjiżna. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri u mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, f'konferenza li fiha taw id-dettalji ta' kif ser titħaddem din l-iskema mis-7 ta' Ġunju.

 

Il-Ministri spjegaw li b'din l-iskema, b'valur ta' miljun ewro, ser ikun qed jingħata 10 ewro voucher għal kull lejl li dawn l-istudenti jqattgħu f'pajjiżna biex dawn ikunu jistgħu jużawhom fin-negozji Maltin u Għawdxin. Kull student se jkun eliġibbli meta jkun ilu jattendi dawn l-iskejjel f'Malta minn 14 il-ġurnata sa 30 ġurnata u jingħatalu voucher għal kull lejl, li jwassal għal massimu ta' €300 għal kull student f'pajjizna. 

 

Saħqu kif bħala parti mill-pjan ta' riġenerazzjoni ekonomika u turistika, il-Gvern nieda skema ta' vouchers li ser ikunu qed jingħataw lil dawn l-istudenti barranin li jiġu f'pajjiżna biex jitgħallmu l-Ingliż matul ix-xhur tas-sajf.  Dan bil-għan li tingħata għajnuna addizzjonali lil madwar 40 skola tal-Ingliż li joffru s-servizzi tagħhom lill-eluf ta' studenti, kif ukoll lis-setturi oħra li ġew direttament milquta minn dan is-settur.

 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo saħaq kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ser tkun qiegħda taħdem b'kordinament mal-MIMCOL u l-iskejjel tal-Ingliż sabiex dawn il-vouchers is-sofor jingħataw lill-istudenti barranin mal-wasla tagħhom f'pajjiżna skont in-numru ta' ljieli li jkunu ser iqattgħu fil-gżejjer Maltin.  

 

Huwa qal li dawn il-vouchers ser jkomplu jgħinu fuq l-impatt ekonomiku li jħalli t-turiżmu f'pajjiżna matul il-jiem tas-sajf u li ċertament huwa pedina importanti sabiex l-ekonomija ta' pajjiżna tkompli tirpilja biex minnha jgawdi kulħadd.

 

“Ma waqafniex nagħtu għajnuna għal 15-il xahar sħiħ. Xogħolna issa huwa li dik l-għajnuna nkomplu ntuha u fl-istess waqt niffaċilitawha. Dan kollu huwa turija ċara ta' kemm aħna Gvern għan-nies, li għal xhur sħaħ ta u mhux ħa mingħand il-poplu," tenna l-Ministru Clayton Bartolo. 

 

Il-Ministru Silvio Schembri qal li l-Ministeru għall-Ekonomija, permezz tal-Mimcol, ħa ħsieb li s-sistema nazzjonali tal-vouchers tagħmilha possibbli li dawk in-negozji li diġa jaċċettaw il-voucher l-aħmar ikunu jistgħu wkoll jiskenjaw dawn il-vouchers is-sofor li ser ikunu qed jingħataw lill-istudenti barranin li ser jiġu jitgħallmu f'pajjiżna. Dawn ser ikunu qed jingħataw lill-istudenti barranin bħala voucher stampat.  Innota li dawn il-vouchers is-sofor f'format stampat ser ikunu validi minn issa, jiġifieri mill-bidu ta' Ġunju, sal-aħħar ta' din is-sena, sakemm jintuża kollu l-fond ta' miljun ewro. 

 

Hu sostna kif din il-miżura ser tkompli tgħin lin-negozji li joperaw fis-settur turistiku, speċifikament dawk li jaċċettaw il-vouchers il-ħomor, bħal postijiet tal-akkommodazzjoni liċenzjati, bars, diving schools, ristoranti. Hawnhekk qed nitkellmu fuq 4,700 negozju eliġibbli.

 

“B'hekk l-investiment li qed nagħmlu fuq livell nazzjonali bil-vouchers il-ħomor ser inkomplu inżidu fuqhom injezzjoni oħra ta' miljun ewro permezz tal-vouchers is-sofor li jistgħu biss jissarrfu għand dawn in-negozji eliġibbli, kif ukoll għand l-iskejjel tal-Ingliż," qal il-Ministru Schembri.

 

Ikkjarifika li n-negozji li diġà jaċċettaw il-vouchers il-ħomor m'għandhom għalfejn jagħmlu xejn u se jkunu wkoll jistgħu b' mod awtomatiku jiskenjaw dawn il-vouchers is-sofor wkoll.  Dawn il-vouchers għandhom jinżammu flimkien mal-irċevuta tal-VAT bħal vouchers l-oħra stampati.

 

Dawk il-konsumaturi li jixtiequ aktar informazzjoni dwar dan il-voucher l-isfar intiż għall-istudenti barranin tal-Ingliż, jistgħu wkoll jċemplu fuq il-helpline tal-vawċers 8007 4904. In-negozji għandom helpline iddedikata għalihom fuq 8007 4950.​