PR211070

04/06/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI 60,000 persuna żaru l-one-stop-shops ta’ servizz.gov fl-ewwel kwart tas-sena


F’dawn l-aħħar tmien snin is-Servizz Pubbliku żamm idejh bla waqfien fuq il-polz tan-nies biex jisma’ x’servizzi jużaw u x’servizzi jixtiequ u biex ibiddel radikalment il-mod kif is-servizzi jitwasslu għand in-nies. Illum wasalna f’punt li servizz.gov għandu 23 one-stop-shop imxerrdin ma’ Malta kollha, li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena żaruhom 60,000 persuna. Fl-istess perjodu, daħlu aktar minn 230,000 telefonata fuq il-153, filwaqt li s-sit elettroniku ta’ servizz.gov żaruh 300,000.

Dan qalu s-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, meta kien qed jindirizza konferenza bit-tema “Is-Servizz” bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021. Huwa saħaq li s-servizz huwa t-tielet element li fuqu trid tinbena l-istrateġija tas-Servizz Pubbliku għall-ġejjieni u huwa l-istess element li tana suċċess matul it-tiġdid tas-Servizz Pubbliku. “Ħdimna fuqu waqt it-tiġdid, nintensifikaw il-ħidma fuqu fit-tisħiħ. Is-Servizz Pubbliku jgħix għas-servizz li jipprovdi. Dan huwa l-element li kisbilna l-fiduċja tan-nies u l-iktar element li investejna fih,” sostna s-Sur Cutajar.

Huwa fakkar li abbinat mas-servizz hemm il-kwalità tiegħu. It-tifsira tal-kwalità, flimkien ma’ sistemi oħra bħall-mystery shoppers u r-rikonoxximent bil-Quality Labels, l-awards, u l-quality service charters ikkontribwew sew biex ġie enfasizzat li l-qofol tas-servizz jitkejjel bil-kwalità tiegħu. 

Is-Sur Cutajar semma kif minbarra b’servizz.gov, il-kwalità tas-servizz f’dawn l-aħħar snin tjiebet bit-twaqqif tal-People and Standards Division u wkoll tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi. Huwa saħaq li servizz ta’ eċċellenza jfisser servizz lixx u bla taħbil il-moħħ għall-klijent, u li issa s-Servizz Pubbliku jrid joħloq servizzi ġodda ma’ dawk eżistenti.

“Jinħtieġ noħolmu b’servizzi ġodda u b’servizzi ferm ikbar. L-intelliġenza artifiċjali se tkun qed tiftaħ bibien kbar biex dan il-ħolm jitwettaq. Irridu wkoll nirfinaw is-servizzi bażici, fost oħrajn billi nwieġbu lill-klijenti mhux biss waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju imma 24 siegħa kuljum. Irridu nsaħħu ferm iktar il-once-only-principle fejn il-klijent ma jkollux għalfejn jagħti informazzjoni lill-gvern iktar minn darba. Hemm minjiera ta’ servizzi li nistgħu nagħtu. L-opportunitajiet huma enormi,” qal is-Sur Cutajar.