gov.mt

pr211078

PR211078

05/06/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI L-uffiċjali pubbliċi se jikkontribwixxu għall-istrateġija l-ġdida tas-Servizz Pubbliku


Għoti ta' rikonoxximent lill-uffiċjali pubbliċi li spikkaw f'ħidmiethom

 

Waqt li l-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021 nediet l-istrateġija l-ġdida ta' tisħiħ, ix-xogħol fuqha diġà beda permezz ta' diversi working groups li se jiffukaw fuq it-tliet elementi ewlenin – in-nies, it-teknoloġija u s-servizz – u ieħor li jikkordina ħidmiethom. B'hekk, il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021 kienet opportunità fejn ġie diskuss ix-xogħol li sar s'issa, u se tibqa' tissaħħaħ bl-ideat tal-uffiċjali pubbliċi.

 

Dan intqal mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar waqt ċerimonja ta' għoti ta' awards li jirrikonoxxu uffiċjali pubbliċi li spikkaw f'ħidmiethom matul din l-aħħar sena. Iċ-ċerimonja saret taħt il-patroċinju tal-President ta' Malta Dr George Vella bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li f'din l-istrateġija, in-nies jibqgħu fiċ-ċentru tal-ħidma.

 

“Is-Servizz Pubbliku jirrikonoxxi lil dawk li jkunu innovattivi, lil dawk li ppjanaw u wettqu u lil dawk li bil-ħidma tagħhom għamlu differenza fil-ħajja tan-nies. Iżda nibqgħu nħarsu 'l quddiem. Din il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku kienet mibnija fuq il-fiduċja fil-ġejjieni għas-Servizz Pubbliku, b'viżjoni ċara fejn irridu naslu, u b'konvinzjoni li se naslu," qal is-Sur Cutajar.

 

Hu semma li s-Servizz Pubbliku nfilsa l-kwalità f'dak kollu li jagħmel, u fil-fatt, f'din iċ-ċerimonja kien hemm tliet dipartimenti oħra li ngħataw il-Quality Label. Dawn huma d-Dipartiment tal-Informazzjoni, it-Taxpayer Service servizz.gov u d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Pjanti.

 

Ġew rikonoxxuti wkoll l-aqwa żewġ ideat li ressqu ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol biex huma wkoll jikkontribwixxu lejn l-għan aħħari li jwassal għal servizz ta' eċċellenza.

 

Il-Ministeru għal Għawdex irċieva l-award bħala l-aktar ministeru li wettaq miżuri ta' simplifikazzjoni fis-sena 2020, filwaqt li l-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – li fl-2020 kien magħruf bħala l-Ministeru għall-Finanzi – ġie ppremjat talli wettaq il-miżura ta' simplifikazzjoni li l-aktar laqtet nies.

 

Il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, li fl-2020 kien magħruf bħala l-Ministeru għall-Enerġija u l-Ilma, ingħata l-award bħala l-aktar ministeru li ppjana ħidmietu tajjeb u għaldaqstant wettaq l-akbar numru ta' miżuri.

 

Il-Good Practice Award ingħata lil Engineering Resources Limited, lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u lill-Awtorità dwar il-Mediċini, li wara li ħidmiethom ġiet skrutinizzata mill-Awditur Ġenerali, ġew imfaħħra għall-operat tagħhom.

 

Id-dentista Dr Ethel Vento Zahra ngħatat Rikonoxximent għal Servizz ta' Livell Għoli Ħafna, wara li minkejja d-diffikultajiet li affaċċjat fl-aħħar xhur, baqgħet tagħmel ħilitha kollha biex twassal l-aqwa servizz possibbli lill-klijenti fil-qasam tas-saħħa bħala frontliner waqt l-imxija tal-Covid-19.

 

Ingħata wkoll Special Award għax-xogħol siewi li sar mill-frontliners tal-Isptar Mater Dei matul il-pandemija tal-Covid-19, inkluż fil-kordinament tar-roll-out tal-vaċċin.​