gov.mt

pr211084

PR211084

05/06/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Bosta tfal jiltaqgħu mal-professjoni li jixtiequ jaqbdu la jikbru

Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku tintemm bl-investiment fil-ġejjieni

Għexieren ta’ tfal illum kellhom opportunità li se jibqgħu jiftakruha hekk kif wara li 620 tifel u tifla ħadu sehem fil-kompetizzjoni ‘X’tixtieq issir la tik​ber?’, is-Servizz Pubbliku tahom l-opportunità li jqattgħu nofstanhar fil-professjoni li jaspiraw li jidħlu fiha meta jikbru. 

Minn job placements mas-suldati u pulizija, għal veterinarji, artisti u għalliema fost oħrajn, din kienet l-attività li s-Servizz Pubbliku għażel li jagħlaq biha s-seba’ edizzjoni tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku. 

“Qed insaħħu s-Servizz Pubbliku bl-istrateġija l-ġdida, iżda wkoll bl-investiment fil-ġejjieni. Is-Servizz Pubbliku dejjem se jibqa’ fi bżonn ta’ karrieri, għalhekk mhux qed naħsbu biss fil-lum iżda wkoll f’għada. L-opportunità lil dawn it-tfal hi parti mill-investiment fin-nies li qed nagħmlu, aspett ewlieni tal-istrateġija l-ġdida flimkien mat-teknoloġija u s-servizz innifsu”, sostna s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar. 

Hu żied jgħid li l-investiment fil-karrieri se jwassal għas-servizz ta’ eċċellenza li s-Servizz Pubbliku jrid jagħti lill-klijenti tiegħu. 

Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021, bit-tema ‘Insaħħu s-Servizz Pubbliku’, tagħlaq il-kapitlu tat-tiġdid biex tħejji ħalli jinfetaħ kapitlu ġdid għat-tisħiħ tas-Servizz Pubbliku. Is-Servizz Pubbliku issa se jkollu strateġija ta’ ħames snin biex isaħħaħ lilu nnifsu, fejn għall-ewwel darba din se tiġbor flimkien it-tliet elementi ewlenin li fuqhom jaħdem is-Servizz Pubbliku, jiġifieri t-teknoloġija, in-nies, u s-servizz. Dawn l-elementi kienu s-suġġett ta’ diskussjoni matul din il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021.