gov.mt

pr211093

PR211093

08/06/2021

STQARRIJA MILLL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA U L-INDUSTRIJA €100,000 fi scholarships għal studji fl-Intelliġenza Artifiċjali f’livell ta’ Masters jew ta’ Dottorat

​Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri ħabbar investiment ta’ €100,000 fi scholarships fl-Intelliġenza Artifiċjali għall-istudenti mill-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ta d-dettalji dwar it-tieni sejħa ta’ scholarships bl-isem ‘Pathfinder’, immirata għal dawk interessati jsegwu kors fil-livelli ta’ Masters jew ta’ PhD fl-Intelliġenza Artifiċjali. 


Il-ministru qal li b’differenza mis-sena l-oħra, is-sejħa preżenti hija iktar wiesgħa u mistennija tilħaq iktar studenti. “Irridu li nżidu l-ammont ta’ nies li huma gradwati fl-ICT, fosthom fl-Intelliġenza Artifiċjali, u dan qed ikun indirizzat proprju b’din l-skema”. Spjega li l-Intelliġenza Artifiċjali toffri opportunità għal ħafna karrieri ta’ kwalità. Fost dawn hemm ir-robotika fil-manifattura, data analytics, jiġifieri li wieħed janalizza d-data miġbura, computational linguist, meta persuna tibni sistemi li jagħmlu ċerti funzjonijiet bħal speech recognition, machine translation jew grammar checking, game developer, li juża l-AI sabiex jikkumplimenta l-logħba tal-kompjuter jew console u software engineer li janalizza l-ħtiġijiet u jibni software skont l-istess ħtiġijiet.

Il-ministru ħeġġeġ lil dawk kollha li jinteressahom dan is-settur biex jagħmlu kuntatt mal-MDIA u jaraw kif jistgħu jibbenefikaw minn dan il-fond permezz tas-sit www.mdia.gov.mt/pathfinder.

“Meta tħares lejn l-iżviluppi li qed isiru kemm fuq livell Ewropew u anke fuq livell internazzjonali, tinduna li d-dinja miexja lejn iktar dipendenza fuq it-teknoloġija. B’hekk, Malta kapaċi tkun minn ta’ quddiem jekk ir-riżors uman f’dan l-aspett ikun b’saħħtu wkoll”, qal il-ministru.

Il-Ministru Schembri kkonkluda li l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali twaqqfet biex tgħolli l-livell tal-ekosistema lokali fejn tidħol it-teknoloġija. L-Awtorità ngħatat il-karigu li tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali li kienet tħabbret fl-2019 bl-iskop li Malta ssir l-aqwa pjattaforma fejn tidħol l-AI sal-2030 u huwa għalhekk li qed isir investiment b’saħħtu fl-edukazzjoni.  

Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA Stephen McCarthy u l-Uffiċjal Greta Attard spjegaw li kull student li japplika jista’ jgawdi minn massimu ta’ €10,000. Dan il-fond ikopri 80% tat-tuition fees, il-bench fees kollha u study allowance ta’ €3,600 li jkun ikkalkulat pro-rata. L-istituzzjoni edukattiva li magħha jkun se jagħmel il-kors l-istudent trid tkun rikonoxxuta mill-Malta Further and Higher Education Authority.