gov.mt

pr211104

PR211104

09/06/2021

STQARRIJA KONĠUNTA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA U L-INDUSTRIJA U MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR


​L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering b’vawċer addizzjonali għal kull min jonfoq il-vawċer tal-gvern fir-ristoranti tagħhom

L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) qiegħda tintroduċi inizjattiva li permezz tagħha ser toffri vawċer addizzjonali lill-istess klijenti li jagħżlu li jonfqu l-vawċer f’ristoranti li huma membri fl-istess assoċjazzjoni.
 
Persuna li tonfoq vawċer ta’ €15.00 f’ristoranti partikolari ser tingħata €15.00 oħra mill-istess ristorant biex din tagħmel użu minnu fl-istess ażjenda. 
 
Din l-iskema ġiet introdotta minn ristoranti li jixtiequ jibbenefikaw mill-impatt tat-tieni rawnd ta’ vawċers li ħareġ fil-gvern fl-aħħar jiem bħala parti mir-riġenerazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna.  
 
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri fil-preżenza tas-Segretarju tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering Matthew Pace. 
 
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo qal li din l-inizjattiva li ħadet l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering hija mudell ta’ kif għadu jkun il-futur turistiku ta’ pajjiżna. 

“It-turist ma rriduhx jiġi f’Malta ta’ darba, imma tant kemm l-esperjenza fuq kull livell tkun waħda pożittiva li jerġa’ jiġi hawnhekk. Din il-linja ta’ ħsieb tapplika wkoll għat-turist domestiku. Il-kwalità fil-prodott li noffru bħala Maltin u Għawdxin trid tkun l-ordni tal-ġurnata”, kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. 
 
Huwa saħaq kif din l-inizjattiva hija eżempju ċar ta’ mentalità ġdida fis-settur tal-ospitalità. 
 
“Permezz ta’ vawċer ieħor, qegħdin nistiednu l-poplu Malti u Għawdxi jgawdi u jqatta’ iżjed ħin ta’ kwalità fir-ristoranti lokali”, tenna l-Ministru Clayton Bartolo.
 
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri laqa’ din l-inizjattiva li fi kliemu tikkumplimenta bis-sħiħ l-iskop aħħari tal-inizjattiva tal-gvern tal-€100 vouchers li qed tinċentiva lill-poplu Malti u Għawdxi u residenti barranin li joqogħdu f’pajjiżna sabiex ikunu inċentivati n-negozji, fl-istess waqt li jgawdu lil pajjiżna. 
 
“L-inizjattiva tagħkom turi kemm in-negozji fehmu l-messaġġ tagħna bħala gvern li tatu l-kontribut tagħkom u tkunu sieħeb importanti lejn ir-riġenerazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna. Il-konkorrenza biex jibdew jintużaw il-vawċers kienet b’saħħitha hekk kif mal-118,000 persuna għandha l-vawċers tagħha fuq l-ismartphone tagħha li jfisser li dawn kollha setgħu jagħmlu użu mill-vawċers mis-7 ta’ Ġunju.”
 
Dan fl-istess waqt li min ma niżżilhomx b’mod diġitali se jkun qed jirċivihom bil-posta rreġistrata, qal il-Ministru Schembri. 
 
Silvio Schembri fakkar li l-ewwel skema kellha effett multipliku li ġġenerat mad-€90 miljun fl-ekonomija filwaqt li sslavagwardjat mal-1,900 impjieg. 
 
“Ninkoraġġixxi iżjed negozji jieħdu inizjattivi simili filwaqt li huma fil-libertà li jagħmlu użu mill-materjal li hemm dispost għalihom fis-sit tal-MIMCOL, li tkunu innovattivi biex tippromwovu dawn l-inizjattivi u tkunu parti integrali mill-irkupru ekonomiku ta’ pajjiżna”, ikkonkluda l-Ministru Schembri.
 
Intant, Matthew Pace saħaq dwar kif l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering tirrikonoxxi l-impatt ekonomiku pożittiv li ħallew il-vawċers fl-2020. 
 
“L-assoċjazzjoni qiegħda tintroduċi din l-inizjattiva bħala gratitudni lit-turist domestiku li ma waqafx ikun ta’ sostenn lis-settur tal-catering matul il-pandemija”, temm jgħid is-Sur Pace.