gov.mt

pr211110

PR211110

10/06/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI

​​


L-appartamenti l-ġodda tal-akkomodazzjoni soċjali mhux se jkunu għall-bejgħ – Il-Ministru Roderick Galdes

F’dak li ġie deskritt bħala jum ġdid għall-qasam soċjali f’pajjiżna, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar politika ġdida ta’ allokazzjoni tad-djar il-ġodda tal-akkomodazzjoni soċjali. 

Issa li wasal fi stadju ta’ finalizzazzjoni l-proġett ta’ bini ta’ 1,700 dar ġdida ta’ akkomodazzjoni soċjali, tħabbret politika ta’ allokazzjoni li, fi kliem il-Ministru Roderick Galdes, tħares lil min hu fil-bżonn waqt li tixpruna l-mobilità soċjali. 

Il-Ministru Galdes ħabbar li d-djar il-ġodda mhux se jkunu għall-bejgħ u fl-ebda punt mhu se jkun possibbli li jinxtraw. Biex l-Awtorità tad-Djar tkun f’qagħda li ssegwi l-progress ekonomiku  u soċjali tal-benefiċjarji se jkun qed jiżdied il-moniteraġġ, bil-benefiċjarji se jkunu suġġetti għall-verifiki tad-dħul u l-assi tagħhom b’mod regolari f’perjodi stipulati. Il-kirja soċjali se tkun proporzjonali mad-dħul tar-resident.

Is-sistema ta’ rikonoxximent tal-ulied u persuni li jabitaw mal-benefiċjarji tal-akkomodazzjoni soċjali se tiġi aġġornata biex ikun żgurat li l-akkomodazzjoni soċjali tibqa’ disponibbli għal min hu fil-bżonn. Fl-istess ħin, anzjani u persuni oħra li jagħżlu li jpartu d-dar tal-akkomodazzjoni soċjali allokata lilhom ma’ waħda iżgħar, se jkunu mgħejjuna. 

“Fis-sempliċità tagħha, din il-politika ta’ allokazzjoni ġdida hija rivoluzzjonarja,” sostna l-Ministru Galdes. “Qed ninqatgħu mill-politika tal-passat fejn dawn id-djar kienu jintużaw bħala ballun politiku u ngħaddu għal metodu li joffri fejda għall-isfidi ta’ min qed ibati.” 

Huwa ddeskriva din il-politika ta’ allokazzjoni bħala waħda matura u li tirrifletti viżjoni għall-futur tas-soċjetà Maltija. 

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali qal li m’għadux iż-żmien li jingħata saqaf biss. Fil-fatt, fiż-żmien li ġej il-Gvern se jkun qed ikompli jsaħħaħ il-firxa ta’ servizzi li jikkumplimentaw l-akkomodazzjoni soċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi li jkunu poġġew lill-familja fi bżonn eċċessiv. 

Il-politika ġdida ta’allokazzjoni tirrifletti sistema li qed iġġib progress soċjali, sistema li qed tħalli l-frott, hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet tħabbar li l-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni alternattiva naqset kważi bin-nofs u niżlet għal 1,900 persuna.