gov.mt

pr211113

PR211113

10/06/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI: Grupp ieħor t’immigranti rrilokat minn Malta

Il-Ħamis filgħodu saret ir-rilokazzjoni ta' grupp ieħor t'immigranti irregolari lejn il-Ġermanja.

Ir-rilokazzjoni saret bħala parti mill-arranġament bejn Malta u l-Kummissjoni Ewropea, maħsub sabiex jitnaqqas il-piż tal-immigrazzjoni irregolari minn fuq Malta.

L-immigranti ħallew Malta permezz ta' titjira diretta lejn il-Ġermanja fejn ser ikunu jistgħu jkomplu bil-proċess marbut mat-talba tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali.

Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi fakkar kif ir-rilokazzjoni hija l-unika mezz effettiv kif jista' jonqos il-piż minn fuq il-pajjiżi tal-fruntiera. Dan filwaqt li l-Gvern qed ikompli jaħdem bis-sħiħ sabiex jonqsu l-wasliet ta' immigranti irregolari u jiġu rritornati persuni li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni f'Malta.

Din il-ħidma qed tiġi riflessa fiċ-ċifri ta' din is-sena fejn in-numri ta' immigranti irregolari li ħallew pajjiżna mill-bidu tas-sena jiżboq in-numru ta' wasliet ġodda ta' immigranti. 

​It-tħejjijiet għar-rilokazzjoni involvew l-assistenza tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni (IOM) u l-Uffiċċju tal-Appoġġ għall-Ażil tal-Unjoni Ewropea (EASO). Ir-rilokazzjoni hija ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea, fosthom mill-fond ta' assistenza ta' emerġenza taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni, u Integrazzjoni (AMIF).