gov.mt

pr211115

PR211115

11/06/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Gvern għan-Nies: Maħruġa skema biex tattira turisti li għandhom 65+

Minn Ottubru li ġej, turisti li għandhom 65 jew aktar se jkunu qed jirċievu €100 vawċer b’mod individwali jekk iqattgħu minimu ta’ 15-il lejl f’Malta. 


L-iskema se titħaddem billi l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tibgħat barcodes individwali lil kull operatur tal-ivvjaġġar parteċipi f’din l-iskema. L-istess operatur tal-ivvjaġġar ser ikun obbligat li jipprovdi barcode waħda li tissarraf f’€100 fuq kull booking ta’ turist li jissodisfa l-kriterji stabbiliti.
 
Biex jagħmel użu minn dan il-vawċer, it-turist irid jippreżenta l-barcode flimkien mal-passaport u kopja tal-biljett tal-ajru li jikkonfermaw l-età tal-persuna u d-durata tal-vaganza f’pajjiżna.
 
Ladarba l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tagħmel il-verifiki neċessarji, tgħaddi l-€100 vawċers li t-turist se jkun jista’ juża fl-istabbilimenti li jaċċettaw il-vawċers tal-gvern. 
 
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-preżenza taċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia. 
 
Il-Ministru Clayton Bartolo spjega li din l-iskema mistennija tħalli €5 miljuni fl-ekonomija Maltija. 
 
“Din hija konferma ta’ kemm dan huwa gvern għan-nies li jrid ikun ta’ spalla mas-settur tal-ospitalità. Il-missjoni tagħna tibqa’ dik li nkomplu nagħmlu l-parti tagħna biex il-qasam turistiku jerġa’ jqum fuq saqajh u jissaħħaħ iżjed milli kien sa ftit tax-xhur ilu,” qal il-Ministru Clayton Bartolo. 
 
Iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia qal li parti mill-viżjoni għas-settur turistiku Malti huwa li l-gżejjer Maltin ikunu destinazzjoni ideali mhux biss fix-xhur tas-sajf iżda tul is-sena kollha, anke f’dawk magħrufa bħala shoulder months.
 
“Mhix l-ewwel darba li bosta turisti, b’mod partikolari dawk li jkunu rtiraw mill-impjieg tagħhom, jagħżlu lil pajjiżna għal btala fit-tul. Permezz ta’ din l-iskema ser tkun qed issir ħidma id f’id ma’ diversi operaturi tal-ivvjaġġar internazzjonali sabiex kemm jista’ jkun inkomplu nattiraw turisti ta’ kwalità u anke turisti ġodda lejn il-gżejjer tagħna għal ftit jiem ta’ mistrieħ,” temm jgħid Gavin Gulia. 


​​