gov.mt

pr211142

PR211142

15/06/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: Il-kumpless ta’ Bay Street immodernizzat b’investiment ta’ €14-il miljun


​ 
Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Clayton Bartolo, żaru l-kumpless ta’ Bay Street wara proġett ta’ mmodernizzar li sar matul dawn l-aħħar 15-il xahar u li se joffri 28 stabbiliment tan-negozju ġdid.
 
“Meta ftit tal-jiem ilu preżentajt l-istrateġija ekonomika tal-pajjiż għall-għaxar snin li ġejjin, spjegajt kif wara snin fejn ħdimna biex nilħqu l-medja, issa rridu mmorru għall-eċċellenza”, qal il-Prim Ministru filwaqt li seta’ jsegwi mill-qrib kif dan il-kumpless trasforma ruħu wara 20 sena mill-ftuħ uffiċjali tiegħu f’pajjiżna.
 
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jinsab imħeġġeġ mill-kuraġġ li qed jagħti s-settur privat u li ma jaqta’ qalbu qatt. “Investituri bħalkom li tibdlu l-ħolm f’realtà. Għax nies bieżla u ambizzjużi. B’hekk b’dak li qed ninawguraw illum għandna eżempju ċar ta’ għaliex għandna nkunu tant ottimisti dwar il-ġejjieni.” 
 
Il-Prim Ministru nnota kif permezz tal-wage supplement, pakketti finanzjarji li jolqtu s-settur turistiku u l-iskema tal-vawċers, servew bħala spalla għan-negozji biex qatt ma tħallew waħedhom. 
 
“Meta fil-bidu tal-2020 pajjiżna, bħal kumplament tad-dinja beda jiffaċċja pandemija, forsi kien hemm min beża’ li f’kumpless bħal dan se nkunu qed nitkellmu fuq kemm ħwienet se jniżżlu x-shutter darba għal dejjem. F’dan il-każ min niżżel ix-shutter għamel dan għal ftit ġimgħat biex jinvesti u minflok illum qegħdin hawn ninawguraw investiment ġdid”, temm jgħid Dr Abela. 
 
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo tkellem dwar kif dan l-investiment huwa prova ċara ta’ kemm minkejja ż-żminijiet ta’ sfida li għaddejjin minnhom, is-settur tal-ospitalità baqa’ reżiljenti u kompla jinvesti biex il-prodott turistiku dejjem ikun aħjar. 
 
“Dan il-proġett jimxi id f’id mal-viżjoni tal-gvern li Malta tkun ċentru ta’ eċċellenza turistika. Biex naslu għal din il-mira ambizzjuza, il-gvern u s-settur privat iridu jkomplu jaħdmu flimkien biex l-esperjenza turistika tkun waħda pożittiva”, qal il-Ministru Clayton Bartolo.
 
Il-Kap Eżeuttiv tal-Grupp Bay Street, Albert Galea, qal li dan l-investiment ta’ mmodernizzar sar konġunt bejn l-istabbilimenti u kif ukoll mill-grupp innifsu.

“L-immodernizzar sar kollu meta pajjiżna kien qiegħed jiġġieled il-pandemija. Il-ħwienet huma prattikament ġodda u l-kumpless għandu dehra kompletament ġdida. Permezz ta’ dan l-investiment, qed iniedu Bay Street bħala destinazzjoni għal familja kollha, b’ditti u ristoranti  ġodda flimkien ma’ parkeġġ ġdid li jesa’ 230 vettura. Il-Grupp jinsab kunfidenti li kemm bil-konsum lokali, kif ukoll bit-turisti li qegħdin jiżdiedu ta’ kuljum, għandu jkollna sajf tajjeb li jservi bħala bażi b’saħħitha għar-ritorn lejn in-normalità”, qal is-Sur Galea.