gov.mt

pr211175

PR211175

21/06/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Ippreżentati l-pubblikazzjonijiet kollha maħruġa mis-Servizz Pubbliku


​Xhieda tal-kontabbiltà li ddaħħlet fis-Servizz Pubbliku

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar illum ippreżenta lill-Biblijoteka Nazzjonali l-kollezzjoni sħiħa ta’ pubblikazzjonijiet li ħareġ is-Servizz Pubbliku fl-aħħar snin, kollezzjoni ta’ madwar 30 pubblikazzjoni bil-għan li din il-ħidma tkun aċċessibbli għal ġenerazzjonijiet futuri. 

Il-preżentazzjoni saret waqt żjara li l-kap tas-Servizz Pubbliku għamel fil-Biblijoteka Nazzjonali fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għas-Servizzi Pubbliċi li se jiġi ċċelebrat nhar l-Erbgħa 23 ta’ Ġunju 2021. Għal din l-okkażjoni, it-tmexxija tal-Biblijoteka esebiet l-ewwel rapporti tas-Servizz Pubbliku Malti kif ukoll dokumenti oħrajn li jmorru lura għas-sekli sbatax u tmintax. 

Il-pubblikazzjonijiet ippreżentati llum jiffukaw fuq il-governanza u l-proċess ta’ tiġdid li sar sa issa fis-Servizz Pubbliku, b’mod partikolari fuq is-simplifikazzjoni tal-burokrazija, l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-budget u l-governanza tajba. 

Għall-ewwel darba ġie ppreżentat ukoll djarju bil-bullettini kollha li ħarġu fl-ewwel xhur tal-immaniġġjar tal-imxija tal-Covid-19 mid-Dipartiment tal-Informazzjoni. Din tinkludi pass pass x’sar mill-awtoritajiet fit-trażżin ta’ din l-imxija. 

“Il-Biblijoteka Nazzjonali dejjem kienet sors ta’ informazzjoni ta’ diversi ġenerazzjonijiet. Dak li qed ngħixu llum hu żmien interessanti minħabba l-imxija, għaldaqstant ħsibna biex nippreservaw din il-ħidma li għamel is-Servizz Pubbliku matul l-imxija, matul il-proċess ta’ tiġdid li għadda minnu flimkien ma’ ħidma oħra u ngħadduhom lil ta’ warajna,” qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar. 

Il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar ikkonkluda li din il-kollezzjoni tixhed il-kontabbiltà li ddaħħlet fis-Servizz Pubbliku fl-aħħar snin, li hi waħda mill-erba’ pilastri tal-kwalità fil-ħidma tas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, il-kollezzjoni tinkludi wkoll it-tweġibiet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman u lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għar-rapporti tagħhom, inkluża l-azzjoni mittieħda mis-Servizz Pubbliku għar-rakkomandazzjonijiet mogħtija. Dawn bdew jiġu ppubblikati għall-ewwel darba fl-aħħar snin.