gov.mt

pr211192

Pr211192

23/06/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI “L-aħħar xhur urew servizz pubbliku li jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies”

Iċċelebrat il-Jum Dinji għas-Servizzi Pubbliċi

 

Qatt ma kien hawn żmien aħjar biex nifhmu xi jfisser servizz pubbliku għal pajjiż, u x'differenza wieħed jista' jagħmel lis-soċjetà u lil kull individwu b'karriera fis-Servizz Pubbliku.

 

Qal dan is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar waqt żjara li għamel lill-President ta' Malta George Vella fl-okkażjoni tal-Jum Dinji Għas-Servizzi Pubbliċi, iċċelebrat illum, 23 ta' Ġunju. Għal din iż-żjara hu kien akkumpanjat mis-segretarji permanenti.

 

Il-Kap taċ-Ċivil sostna kif l-uffiċċjali pubbliċi minn dejjem kienu minn ta' quddiem biex jagħtu servizz lill-pajjiż, u li qatt ma ddiżappuntaw f'kull mument ta' prova. Hu radd il-ħajr lill-uffiċjali kollha li matul iż-żmien għamlu ġieħ lis-servizz pubbliku u għamlu differenza fil-ħajja tan-nies.

 

“F'moħħi jiġu l-infermiera u l-frontliners, l-uffiċjali pubbliċi li ma ħallewx il-pazjenti tagħna waħedhom f'dawn l-aħħar xhur. Lill-pulizija, is-suldati u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili li ssibhom dejjem lesti jissugraw ħajjithom. Iżda wkoll uffiċjali pubbliċi oħra li kienu strumentali għal kull bidla fil-pajjiż, fosthom waqt il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew jew id-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Dak ukoll huwa s-servizz pubbliku li jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies", qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni.

 

Hu sostna li dan kollu ma jfissirx li s-servizz pubbliku dejjem kien miexi fuq ir-rubini, iżda għaraf iġedded lilu nnifsu. Proċess ta' tiġdid fl-aħħar snin li wassal għal aktar minn elf miżura ta' simplifikazzjoni, flimkien mal-bidla fil-mod kif jingħata s-servizz, bin-nies fiċ-ċentru tal-ħidma.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni temm jgħid li wara t-tiġdid imiss it-tisħiħ tas-servizz pubbliku, permezz ta' strateġija ġdida ta' ħames snin, l-ewwel tax-xorta tagħha. L-istrateġija, li tidħol fis-seħħ is-sena d-dieħla, se torbot it-tliet elementi ewlenin tat-teknoloġija, in-nies, u s-servizz, biex is-servizz pubbliku jkompli jafferma s-servizz ta' eċċellenza li jrid jagħti lill-poplu Malti u Għawdxi.

 

Waqt iż-żjara, is-Segretarju Permanenti Ewlieni ppreżenta lill-President ta' Malta l-aħħar żewġ pubblikazzjonijiet li ħareġ is-servizz pubbliku. Dawn huma djarju tal-bullettini kollha li nħarġu mid-Dipartiment tal-Informazzjoni waqt l-ewwel xhur tal-Covid-19, u l-pubblikazzjoni Il-Ħidma li tiġbor fiha x-xogħol kollu li sar mis-Servizz Pubbliku fl-aħħar sena.​​​