Ġie ffirmat Ftehim bejn l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati u l-General Workers’ Union (GWU) għax-Xufiera tal-Ġudikanti.
Dwar dan il-ftehim il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis qal li dan l-iffirmar se jtejjeb il-kundizzjonijiet għal 67 impjegat u se jkunu qegħdin igawdu minnu ukoll impjegati ġodda li jidħlu f’dan il-grad.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis spjega li, “L-amministrazzjoni tifhem li dawn l-impjegati għandhom xogħol sensittiv u tapprezza s-sens ta’ dedikazzjoni li dejjem urew. Dan il-ftehim, li ilu mistenni snin, jassigura bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi li għandhom dawn il-ħaddiema”.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Ministru Zammit Lewis irringrazzja lill-Industrial Relations Unit fi ħdan l-OPM, lill-General Workers’ Union (GWU), lis-Segretarju Permanenti Johan Galea, u lill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati Eunice Grech Fiorini, flimkien mal-Aġenzija inifisha, għall-ħidma tagħhom sabiex intlaħaq dan il-ftehim.