Il-Prim Ministru Robert Abela qal li qatt daqs f’dawn l-aħħar xhur ma kellna prova aħjar ta’ kemm is-Servizz Pubbliku huwa flessibbli u effiċjenti, tant li għaraf ikun ta’ spalla għall-gvern fit-twettiq tal-miżuri straordinarji li ttieħdu matul il-pandemija biex jiġu sostnuti l-ħaddiema u l-ekonomija.
Il-Prim Ministru kien qed jitkellem fil-ftuħ ta’ laqgħa għall-ogħla uffiċjali tas-Servizz Pubbliku, bit-tema ‘Insaħħu s-Servizz Pubbliku’, bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021. Huwa qal li kien hemm żmien meta kien jittieħed bħala stat ta’ fatt li l-privat hu aħjar miċ-ċivil, iżda llum l-affarijiet inbidlu. Il-passi ta’ ġgant li rajna jseħħu f’dawn l-aħħar snin fis-Servizz Pubbliku wasslu għal bidla kbira fil-mentalità, fejn f’ħafna oqsma s-Servizz Pubbliku qed ikun aħjar saħansitra mill-privat.
Fost dawn l-oqsma hemm il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, fejn is-Servizz Pubbliku kkonsolida ruħu bħala mexxej indisputibbli. Biżżejjed jingħad li filwaqt li fis-settur privat ġieli lanqas tingħata l-opportunità ta’ remote working, fis-Servizz Pubbliku l-impjegati jingħataw għażla bejn jekk jaħdmux mid-dar jew inkella mir-remote workspaces li jipprovdi.
Filwaqt li faħħar ukoll l-inizjattivi li qed jieħu s-Servizz Pubbliku favur l-ambjent u li bihom qed jixpruna bidliet kruċjali għal pajjiżna, il-Prim Ministru ħeġġeġ lis-Servizz Pubbliku biex jibqa’ jkun leader kif wera matul il-pandemija – dejjem fuq quddiem għax illum ħadd ma jiddubita mil-livell għoli ta’ servizz li joffri s-Servizz Pubbliku lill-klijenti tiegħu.
Strateġija ta’ ħames snin biex nogħlew aktar f’dak li nimmiraw għalih – Is-Segretarju Permanenti Ewlieni
Fl-indirizz tiegħu lill-ogħla uffiċjali tas-Servizz Pubbliku, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, tkellem dwar l-istrateġija ta’ ħames snin li qed iniedi s-Servizz Pubbliku u li permezz tagħha, filwaqt li jkompli jibni fuq dak li diġà wettaq, qed jogħla aktar f’dak li qed jimmira għalih.
“It-teknoloġija, is-servizz innifsu u n-nies huma dak meħtieġ biex fi strateġija waħda fuq medda ta’ ħames snin naslu għal servizz ta’ eċċellenza. Dan huwa l-kapitlu li qed jinfetaħ illum: l-ewwel strateġija tax-xorta tagħha għas-Servizz Pubbliku, li tidħol fis-seħħ mill-bidu tas-sena d-dieħla u li fuqha diġà sar ħafna xogħol, imma llum, hawnhekk, tibda d-diskussjoni u t-tfassil tagħha”, qal is-Sur Cutajar.
Huwa spjega li l-għan ewlieni ta’ din l-istrateġija huwa t-tisħiħ tas-Servizz Pubbliku, wara li matul dawn l-aħħar snin sar eżerċizzju estensiv ta’ tiġdid fi ħdanu. Mhux biss, iżda s-sena 2020 kienet waħda ta’ konsolidament fejn ġiet studjata kull miżura li ħa s-Servizz Pubbliku mill-2013 ‘l hawn, u ġie analizzat l-impatt li dawn il-miżuri ħallew fuq in-nies. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju mirqum, li sar minn tliet akkademiċi ‘l barra mis-Servizz Pubbliku, se jiġu ppubblikati minn dar tal-pubblikazzjoni internazzjonali.
Is-Sur Cutajar qal li dawn huma riżultati inkoraġġanti li fuqhom is-Servizz Pubbliku issa jista’ jimbarka biex isaħħaħ lilu nnifsu. “Ma ddejjaqniex inħarsu lura u nevalwaw xogħolna stess. Għamilna dan b’kuraġġ u b’fiduċja, għax la konna kapaċi niġġeddu nkunu kapaċi nissaħħu.”
Ritratti: DOI/OPM/PPS