Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210462

PR210462

03/03/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Stqarrija mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar




Niċħad bl-iktar mod kategoriku u bla ebda riservi dak li allega dwari l-Onor Jason Azzopardi ilbieraħ fil-Parlament.

Mhux ir-rwol ta’ Kap tas-Servizz Pubbliku li jidħol f’kontroversji imma ma jistax ma jingħadx li din hija t-tielet darba li l-Onor Azzopardi ipprova jħammiġni.

L-ewwel darba allega u għamel storja li sar abbuż mill-pozizzjoni tiegħi għax żagħżugħ kien nominat f’bord governattiv ta’ entità pubblika għax jiġi minni. Fil-fatt kellu biss l-istess kunjom tiegħi għax mill-bqija la kien jiġi minni u lanqas kont biss naf lill-persuna. 
 
It-tieni darba meta allega u għamel storja li sar abbuż mill-pożizzjoni tiegħi għax skont hu impjegajt membru tal-familja tiegħi bħala person of trust malli sirt Kap tas-Servizz Pubbliku u minkejja li kien hemm deċiżjoni mill-Qorti. 

Il-fatti ppubblikati wrew li l-allegazzjoni tal-Onor Azzopardi kienet ferm ’il bogħod mill-verita ghax il-persuna kienet ilha impjegata tal-gvern u ġiet konfermata lura fl-impjieg mill-Amministrazzjoni preċedenti. Iktar minhekk irid jingħad li kienet taħdem fl-istess Ministeru li minnu kien inkarigat l-istess Onor Azzopardi.

Intant, l-ewwel każi li tressqu għandi bħala Kap tas-Servizz Pubbliku fl-2013 u li kienu jirrigwardaw uffiċjali pubbliċi kienu tnejn. 

Wieħed kien jirrigwarda tbagħbis ta’ marki f’eżamijiet pubbliċi bl-allegazzjoni tindika li dan ġieli sar fuq direzzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru lill-eżaminaturi dirett u l-każ l-ieħor dwar abbuż, b’indħil ta’ persuni fl-amministrazzjoni ta’ qabel l-2013, tad-diskrezzjoni li tagħti l-liġi dwar it-taxxa lit-tmexxija ta’ dak id-dipartiment biex tiġi maħfura taxxa.  

Fiż-żewg każi u f’kull każ ieħor li sirt naf bih wara dawn sa llum fl-ebda ċirkustanza ma kelli kuntatt jew indħalt b’mod dirett jew indirett anki bl-iktar mod remot possibbli fix-xogħol tal-Pulizija kemm jekk kien il-Kummissarju u kemm jekk kien l-uffiċjal investigatur.  Dak li għal darb’oħra allega lbieraħ fil-Parlament l-Onor Jason Azzopardi fil-konfront tiegħi huwa għal darb’oħra ’il bogħod mill-verità.