gov.mt

pr210484

PR210484

05/03/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI

Issir riferenza għall-istqarrija maħruġa mill-UĦM wara d-direttiva maħruġa lbieraħ mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, li fiha ngħataw struzzjonijiet biex b’seħħ minn nhar it-Tnejn li ġej, dak ix-xogħol li jista’ jsir bit-teleworking għandu jsir hekk.

L-ittra li rċieva s-Segretarju Permanenti Ewlieni mingħand il-UĦM dalgħodu turi ċar li l-premessa li nkitbet fuqha l-ittra kienet ibbażata fuq l-istruzzjonijiet ta’ sena ilu li kienu jistrieħu fuq talbiet għal teleworking li jsiru mill-impjegati pubbliċi.

Din id-direttiva tal-bieraħ ma tistrieħx fuq it-talbiet tal-impjegati imma tidderieġi lill-kapijiet tad-dipartimenti biex kull xogħol li jista’ jsir bit-teleworking għandu jsir hekk u dan sakemm joħroġ avviż ieħor.

Għaldaqstant, il-bqija tal-osservazzjonijiet magħmula mill-UĦM fl-ittra tagħha ma jreġux maċ-ċirkustanzi tad-direttiva tal-bieraħ.

Iktar minn hekk, ilbieraħ stess, immedjatament wara li nħarġet id-direttiva, is-Segretarju Permanenti Ewlieni ta l-linji gwida li fuqhom għandha titħaddem id-direttiva tal-bieraħ. Peress li din hija differenti mid-direttiva ta’ sena ilu u ma tistrieħx prinċipalment fuq it-talbiet u l-għażliet ta’ teleworking mill-impjegati, iżda hemm direzzjoni amministrattiva, għandha titħaddem b’mod differenti mid-direttiva ta’ sena ilu, inkluż fejn jirrigwarda allowances.

Dawn il-linji gwida ġew ikkomunikati lbieraħ waranofsinhar lill-ministeri kollha.