Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210495

PR210495

09/03/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA Investiment ta’ żewġ miljuni u nofs f’compound f’Ħal Far għall-ġestjoni ta’ assi ġejjin mill-kriminalità

​​

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis ħabbar investiment ta' €2.5m fis-settur tal-ġustizzja li mistenni jkun komplut fis-sena 2024.

 

Il-perit tal-proġett, Mariello Spiteri, fetaħ din il-konferenza stampa bi spjegazzjoni tal-att tekniku ta' dan l-investiment. Huwa spjega f'dettall x'ser tkun qed tinkorpora l-binja mqassma fuq erba' sulari u li tkopri 500 metru kwadru.

 

L-Aġent Direttur tal-uffiċċju għall-irkupru tal-assi (ARB) Kenneth John Camilleri, fir-rimarki tiegħu,  spjega kif l-ARB daħal għal proġett ambizzjuż li għandu jgħin fil-ġestjoni tal-assi kkonfiskati. Il-faċilità se tkun qiegħda taħżen u tippreserva diversi tipi ta' assi bħal dehbijiet, xogħol tal-arti,  dgħajjes, kif ukoll trailers u vetturi, fost oħrajn, f'ambjent apposta. B'hekk dan il-proġett innovattiv qed jiżgura li tali bini jservi l-iskop tiegħu bl-iktar mod adattat.

 

Fid-diskors tal-għeluq, il-Ministru Edward Zammit Lewis iffoka fuq kif għall-ewwel darba l-ARB, permezz tal-Att dwar ir-Rikavat mill-Kriminalità (Att V tas-sena 2021), qiegħed jiġi rikkonnoxut f'qafas legali.

 

Il-Ministru Zammit Lewis kompla billi elenka poteri partikolari li għandu dan li l-uffiċċju li jippermettulu jikkonfiska l-Assi ta' Persuna ladarba huwa jkun suspettat li xtara dawk l-assi minn Rikavat mill-Kriminalità. Dan huwa possibbli permezz tal-proċedura li ġiet introdotta, li hija n-'non-convinction based confiscation' fuq suspettat li jista' jkollu l-propjetà tiegħu li tkun ġejja mill-kriminalità ikkonfiskata – dan lil hinn minn sejba ta' ħtija u proċeduri kriminali.

 

Il-Ministru Zammit Lewis semma wkoll id-dritt ta' 'action in rem', liema dritt jagħti l-fakultà li wieħed ikun jista' jiftaħ proċeduri legali kontra oġġett, kunċett ġdid f'dan il-kamp li jagħti aktar saħħa lill-ARB. 

 

Fil-konklużjoni tiegħu, il-ministru rringrazzja lid-direttur preċedenti tal-ARB Brian Farrugia għall-ħidma li wettaq f'dan is-settur filwaqt li sostna li dan il-proġett huwa xhieda tal-impenn tal-gvern li jinvesti b'mod konkret fil-qasam tal-ġustizzja u fil-ġlieda tiegħu kontra il-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus.

 

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Johan Galea. ​