Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210509

PR210509

11/03/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA: Malta tappoġġja l-konklużjonijiet dwar it-tisħiħ fl-applikazzjoni taċ-Charter tad-Drittijiet Fundamentali fl-Unjoni Ewropea

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis attenda b'mod virtwali għall-Kunsill Ministerjali Informali tal-Ministri għall-Ġustizzja. Matul il-kunsill ġew diskussi primarjament, iż-żamma tad-data ta' komunikazzjoni elettronika, li hija għodda biex tiġi miġġielda l-kriminalità, u t-tisħiħ tal-applikazzjoni taċ-Charter tad-Drittijiet Fundamentali fl-Unjoni Ewropea.

 

Fl-interventi tiegħu l-Ministru Zammit Lewis spjega l-pożizzjoni ta' Malta dwar iż-żamma tad-data ta' komunikazzjoni elettronika, li wara s-sentenzi mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li ħassru d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar iż-żamma ta' din id-data, jeħtieġ tittieħed azzjoni komuni u uniformi dwarha.

 

Huwa spjega li Malta hija favur l-unformità, idealment permezz ta' direttiva ġdida, sabiex nagħtu lill-awtoritjiet investigattivi tagħna s-saħħa li jiġġieldu l-kriminalità, speċjalment dik transkonfinali, u hemm bżonn li dejjem ikun hemm rispett għad-drittijiet umani fosthom tal-privatezza, u għalhekk kwalunkwe interferenza għandha tkun legali, meħtieġa u proporzjonali.

 

Dwar ir-rispett lejn id-drittijiet fundamentali fl-UE, il-Ministru Zammit Lewis ġibed l-attenzjoni li Malta diġà appoġġjat il-Konkluzzjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-applikazzjoni taċ-Charter tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Huwa sostna li Malta tgħożż l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura u s-saltna tad-dritt li huma pre-rekwiżiti għal kwalunkwe demokrazija moderna. Fakkar ukoll li Malta fl-aħħar sena għaddiet riformi bla preċedent sabiex isaħħaħ dawn il-kunċetti demokratiċi f'pajjiżna.

 

Il-Ministru Zammit Lewis irrefera wkoll għall-kunċett tal-ugwaljanza fl-ambitu ta' drittijiet umani, speċjalment dak fejn tidħol il-ġeneru, u saħaq li dan hu suġġett importanti għal Malta. Dan tant hu minnu li bħalissa għaddej proċess leġiżlattiv fil-Kamra tad-Deputati dwar abbozzi ġodda – abbozzi li  jiġġieldu kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni u li jistabbilixxu Kummissjoni ġdida favur id-drittijiet umani u l-ugwaljanza, liema Kummissjoni hija indipendenti mill-gvern tal-ġurnata u li jkollha l-poter li tagħti rimedji effettivi lil vittimi ta' diskriminazzjoni.      

 

F'dan il-Kunsill tal-Ministri ħadu sehem ukoll il-Kummissarju Responsabbli mill-Ġustizzja Didier Reynders, il-Kummissajru responsabbli mill-Intern Ylva Johansson, u d-Direttur tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali Michael O'Flaherty.