Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210513

PR210513

12/03/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI


Issir referenza għall-istqarrija maħruġa mill-UĦM li fiha xandret direttivi biex ħaddiema fis-settur pubbliku jaħdmu mid-dar.

Irid jiġi mfakkar li iktar minn ġimgħa ilu, fl-4 ta’ Marzu 2021, inħarġet direttiva mis-Segretarju Permanenti Ewlieni li permezz tagħha ġie dirett biex il-ħaddiema fis-settur pubbliku kollu li xogħo​lhom m’hemmx għalfejn isir mill-uffiċċji jaħdmu bit-teleworking. 

Dan jgħodd għal min hu vulnerabbli u għal min mhux meqjus tali. Id-direttiva tal-Kap tas-Servizz Pubbliku tgħodd għal kulħadd.

Dan ifisser li dak imħabbar mill-UĦM ftit tal-ħin ilu huwa bla ħtieġa għax ilu fis-seħħ ġranet sħaħ.

Sal-bieraħ stess, is-Segretarju Permanenti Ewlieni u s-Segretarji Permanenti kollha kienu qed jiddiskutu kif, fiċ-ċirkustanzi, se jkompli jkun żgurat li s-servizz lill-klijenti se jibqa’ jingħata minkejja li ħafna mix-xogħol qed isir bit-teleworking.

Għalkemm id-direttiva tas-Segretarju Permanenti Ewlieni ħarġet diġà pubblika u wieħed jista’ jaċċessaha faċilment, għall-benefiċċju tal-UĦM u ta’ kulħadd, l-istess direttiva qed tiġi mehmuża ma’ din l-istqarrija.