Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210519

PR210519

13/03/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX

Il-Ministeru għal Għawdex jirreferi għall-istqarrija tal-Oppożizzjoni dwar l-għoti tal-vaċċin f'Għawdex.

 

Lil hinn mill-impressjoni żbaljata li ppruvat tingħata, b'rabta mal-ġlieda kontra l-Covid-19, fil-gżira Għawdxija għaddejja ħidma għall-ġid ta' kulħadd.

 

Fi ftit jiem il-Ministeru għal Għawdex, flimkien mal-Ministeru għas-Saħħa, ikkonverta l-Gozo Conference & Expo Centre fir-Rabat Għawdex għal Ċentru Ewlieni ta' Vaċċinazzjoni għal Għawdex.

 

Dan il-post għandu l-kapaċità li jakkomoda l-Għawdxin kollha bi programm estensiv ta' vaċċinazzjoni.

 

Permezz ta' dan ix-xogħol qawwi, l-Għawdxin se jkunu moqdija f'Għawdex stess, kif diġà ntqal kemm-il darba.

 

Irid jingħad ukoll, għalkemm dan il-fatt diġà ntqal pubblikament, u l-Oppożizzjoni għażlet li tħalli barra, li dawk l-għalliema li rċevew appuntament għall-vaċċin f'Malta, se jirċievu appuntament ġdid f'Għawdex stess.

 

Il-ġlieda kontra l-Covid-19 m'għandiex tkun ballun politiku u kulħadd għandu jaħdem għall-interess nazzjonali b'mod matur u responsabbli.​