Mis-17 ta’ Marzu 2021 daħal fis-seħħ Avviż Legali ġdid li jillimita l-gruppi ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu f’proprjetajiet residenzjali privati. Dan billi mhuwiex se jkun permess li jinġemgħu fl-istess ħin persuni li jgħixu f’iktar minn żewġ residenzi differenti fi proprjetà residenzjali waħda.
Dan b’eċċezzjoni għall-ħaddiema li jkunu qed jagħmlu xogħlijiet jew jagħtu servizz fi proprjetajiet privati.
Dan filwaqt li se jibqa’ fis-seħħ kif inhu l-Avviż Legali li jipprojbixxi li jinġemgħu gruppi ta’ aktar minn 4 persuni fil-pubbliku, sakemm ma jkunux persuni li jgħixu fl-istess residenza.
Dawn il-miżuri qegħdin jidħlu fis-seħħ sakemm it-tilqim kontra l-COVID-19 ikun wasal għand firxa wiesgħa tal-popolazzjoni, u b’hekk tkompli tiġi kkontrollata l-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna.