PR210541

18/03/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Rapport dwar l-ewwel studju tal-Malta Wellbeing Index project

​​

“L-entużjażmu tiegħi ġej mhux biss għaliex nemmen bil-qawwa kollha li l-Parlament ta' Malta, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż li tirrappreżenta liċ-ċittadini tagħna, huwa l-post naturali fejn ċerti proġetti ta' fejda għas-soċjetà Maltija, bħalma hija din l-inizjattiva tal-Wellbeing Index, għandhom jiġu mnedija u promossi, imma wkoll minħabba l-fatt li bħala istituzzjoni għandna rekord eċċellenti ta' kollaborazzjoni mal-komunità akkademika", qal l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia waqt attività fejn ġew ippreżentati r-riżultati tal-ewwel studju mill-Malta Foundation for the Wellbeing of Society, li qed isir mal-Università ta' Malta.

 

Dan l-istudju jifforma parti minn riċerka mifruxa fuq tliet snin bil-għan li jikkonsolida numru ta' indikaturi minn oqsma varji tas-soċjetà li finalment  twassal għall-identifikazzjoni ta' kemm kull qasam jgħin jew ifixkel il-livell tal-benesseri f'Malta.

 

L-Ispeaker Farrugia qal li jemmen li tali kooperazzjoni għandha tirriżulta f'leġiżlazzjoni u f'politika mfassla fuq l-aħħar għarfien xjentifiku u r-riċerka, bżonn li ħareġ aktar ċar matul il-pandemija. Min-naħa l-oħra, meta l-komunità akkademika tikkonsulta mar-rappreżentanti eletti tal-poplu, tkun tista' tiffoka fuq dak li vera huwa qrib it-tħassib taċ-ċittadin.

 

Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca, mir-Rettur tal-Università l-Prof. Alfred J. Vella, mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Dubravka Šuica, Dr Marie Briguglio, Mr Luc Laviolette mill-Bank Dinji u l-Prof. Liam Delaney minn London School of Economics.​