Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210542

PR210542

18/03/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Investiment ta’ €700,000 għal ħames proġetti infrastrutturali f’San Pawl il-Baħar

Fix-xhur li ġejjin f'San Pawl il-Baħar se jinbeda xogħol mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fuq ħames proġetti infrastrutturali bil-għan aħħari li jsaħħu l-potenzjal ta' din il-lokalità turistika.

 

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo f'konferenza tal-aħbarijiet bit-tema 'Gvern għan-Nies', fil-preżenza taċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u tas-Sindku ta' San Pawl il-Baħar Alfred Grima. 

 

Dawn il-proġetti jinkludu xogħlijiet b'investiment ta' €300,000 fuq il-Belvedere fi Triq San Franġisk li se jibdel wiċċ ix-xatt li jkompli fi Triq San Ġilardu u jwassal sal-Kappella tal-Ħġejjeġ.

 

It-tieni proġett se jsir fiż-żona ta' bejn Triq San Publiju u Triq San Franġisk, b'investiment li jlaħħaq il-€50,000. Il-proġett jinkludi masġar ġdid li se jħaddar din iż-żona.

 

It-tielet proġett, b'investiment ta' €130,000, se jtejjeb u jsebbaħ pajsaġġ degradat fiż-żona ta' bejn Triq il-Knisja u Triq San Ġilardu.

 

Proġett ieħor se jsir b'investiment ta' €120,000 li se jindirizza n-nuqqas ta' aċċessibbiltà f'din iż-żona permezz ta' pajsaġġ ġdid. Dan il-proġett se jtejjeb l-esperjenza turistika li joffru s-salini f'din iż-żona.

 

Finalment, fl-inħawi ta' Triq il-Luzzu, se jsiru turġien li se jtejbu l-faċilitajiet ta' din iż-żona magħrufa għall-ispazju ta' rilassament fix-xhur sajfin. Dan il-proġett se jsir b'investiment ta' €100,000.

 

“Dan huwa gvern għan-nies li ma jaħsibx biss fil-ġenerazzjoni tal-preżent iżda anke tal-futur. L-impenn tagħna f'din iż-żona huwa li nagħmlu proġetti ppjanati sal-inqas dettall li mhux biss itejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti iżda jtejbu wkoll l-esperjenza turistika. Nemmen bi sħiħ li permezz ta' dawn il-proġetti se nkunu qed inkomplu nagħmlu minn San Pawl il-Baħar lokalità mfittxija dejjem aktar mit-turisti", ikkonkluda l-Ministru Clayton Bartolo. ​​