Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210563

PR210563

23/03/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA Ħtieġa ta’ avvanzi fil-kamp mediko-legali f’Malta



Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis laqa’ lill-Professur George Gregory Buttigieg, Konsulent Ostetriku, Ġinekologu u Speċjalista Mediko-Legali. Il-Professur Buttigieg ippreżenta formalment lill-Ministru Zammit Lewis żewġ volumi ppubblikati mid-ditta bbażata fil-Ġermanija Lambert Academic Publishing bit-titolu Optimising Maltese Obstetric Medico-Legal Dynamics. Volumi li jinkludu riżultati u analiżi li saru fuq medda ta’ ħames snin dwar is-sitwazzjoni Mediko-Legali f’pajjiżna fejn tidħol l-ostetrija. 

Din il-kontribuzzjoni tiegħu tressaq ‘il quddiem proposti solidi ta’ kif nistgħu nimxu ‘l quddiem fejn jidħlu, fost oħrajn, sfidi fit-tqala, il-ħlas u l-effetti fuq il-mara wara t-tqala. Huwa semma wkoll l-irwol tal-espert mediku maħtur mill-Qrati tal-Ġustizzja, kif ukoll id-drittijiet tal-pazjent u l-obbligi tal-persuni li jaħdmu fis-settur mediku. Huwa kkonkluda billi semma l-iżvilupp ta’ qafas legali li hu sejjaħlu ‘Lex-Medica’ bħala qafas mediko-legali ġdid u ċar għal pajjiżna.

Il-Ministru Zammit Lewis irringrazzja lill-Professur Buttigieg għax-xogħol u d-dedikazzjoni tiegħu u qal li x-xogħol li hu jwettaq juri l-esperjenza tiegħu fil-qasam tal-ostetrija. Il-ministru qal ukoll li, madankollu, l-istess prinċipji japplikaw għas-setturi mediċi kollha. Huwa kkonkluda li din il-kontribuzzjoni tixpruna l-istabbiliment ta’ qafas legali speċifiku ddedikat biex joffri soluzzjonijiet għall-isfidi mediko-legali, li jaffettwaw mhux biss ħajjet iċ-ċittadin, iżda wkoll l-entitajiet relevanti.