B’investment ta’ aktar minn €120,000 tlesta x-xogħol mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-għaqda mhux governattiva Din l-Art Ħelwa fuq ir-restawr tal-batterija tat-Torri l-Abjad fl-Aħrax tal-Mellieħa.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-preżenza taċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, Il-President Eżekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa Alex Torpiano kif ukoll is-Sindku tal-Mellieħa Dario Vella.
F’kelmtejn tal-okkażjoni l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo rrimarka li investiment ta’ din l-għamla għandu jwassalna biex Malta tkompli ssaħħaħ il-prodott turistiku tagħha.
“Dan huwa proġett li jikkonferma kemm dan huwa Gvern għan-nies li jinvesti fil-patrimonju Malti u Għawdxi li ħallewlna ta’ qabilna. Dan l-investiment se jibbenefikaw minnu mhux biss it-turisti iżda l-poplu Malti u Għawdxi kollu,” tenna l-Ministru Clayton Bartolo.
Finalment huwa rringrazzja lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien ma’ Din l-Art Ħelwa tal-ħidma konġunta biex il-batterija ta’ dan it-torri reġgħet ingħatat il-ħajja.