gov.mt

pr210577

PR210577

24/03/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI U MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jinfetaħ parkeġġ pubbliku ġdid viċin il-Bajja tal-Għadira

​Il-Ministri Ian Borg u Clayton Bartolo inawguraw il-ftuħ uffiċjali tal-parkeġġ pubbliku ġdid li sar fl-inħawi tal-Bajja tal-Għadira. Il-proġett sar b’investiment ta’ madwar €1 miljun mill-iskema eko-kontribuzzjoni li titħallas mill-istabbilimenti turistiċi u x-xogħlijiet ġew implimentati minn Projects Plus Ltd. 


Il-Ministru Ian Borg qal, “Dan il-proġett se joħloq faċilitajiet ġodda u se jsebbaħ parti mill-wirt naturali tagħna għall-komunità nazzjonali. Bla dubju li hu importanti ħafna minħabba li matul il-ġranet sajfin din il-bajja jżuruha mijiet ta’ persuni u kull sena l-problema ta’ nuqqas ta’ parkeġġ kienet qed tkompli tikber. B’hekk permezz ta’ dan l-investiment se nkunu qed innaqqsu l-konġestjoni fl-inħawi minħabba li n-nies se jdumu jduru inqas biex isibu post għall-vetturi tagħhom filwaqt li se nnaqqsu problemi ta’ parkeġġ doppju u triplu. Bħalma għamilna fi proġetti oħra ta’ dan it-tip rajna wkoll li ninkludu faċilitajiet għall-karozzi elettriċi kif ukoll għall-muturi sabiex inkomplu ninċentivaw lill-pubbliku sabiex juża mezzi tat-trasport alternattivi u aktar sostenibbli. Il-viżjoni usa’ tal-gvern hija li eventwalment jestendi l-bajja u jagħmel riġenerazzjoni sabiex iż-żona tingħata dehra isbaħ u aktar moderna u b’hekk nistgħu ngħidu li dan il-parkeġġ huwa l-ewwel pass li se jwassal għal din il-viżjoni favur ambjent isbaħ u aktar nadif.”

Dan il-parkeġġ jesa’ aktar minn tliet mija u ħamsin vettura u jinsab attrezzat biex jakkomoda wkoll muturi u jinkludi wkoll spazji ta’ parkeġġ għal persuni b’diżabilità. Il-parkeġġ huwa mifrux fuq medda ta’ art ta’ madwar 10,000 metru u huwa mgħammar ukoll bi dwal ġodda, ħitan tas-sejjieħ u storm water drainage systems li se jsaffu l-ilma tax-xita miż-żjut u minn kimiċi oħra.

Projects Plus ħadet ħsieb biex dan il-parkeġġ jissebbaħ ukoll permezz ta’ diversi siġar u arbuxelli. B’kollox inżergħu kważi elf siġra u arbuxelli. Fosthom inżergħu kważi mitejn siġra tal-Oleandru, 96 siġra tat-tip African Tamarisk, siġar tal-palm u kważi 600 arbuxell tal-Aloe Vera u Deru.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li dan il-parkeġġ ġdid ser ikun qed iżid l-aċċessibilità għal tant turisti u Maltin li jiffrekwentaw l-akbar bajja ramlija ta’ pajjiżna. 

“Irridu nifhmu li t-turist li jiġi Malta ma noffrulux biss bajjiet u baħar, anzi rridu naċċertaw li jsib fejn jipparkja l-vettura tiegħu fl-iqsar ħin possibbli”. 

Il-Ministru Bartolo tenna li ż-żoni aċċessibbli għandhom ikunu hemmhekk għal kulħadd, tant li aktar kemm jiġu pprodvuti dawn it-tip ta’ faċilitajiet biswit il-bajjiet iżjed ser tiżdied fil-pożittiv l-esperjenza turistika kemm għall-barrani u anke għal dak domestiku.