Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210600

PR210600

26/03/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Inawgurat ic-Ċentru tat-Telemedicine fil-Mosta


​Mill-1 ta’ April tal-2020 sa Marzu 2021 dan iċ-ċentru rċieva 564,940 telefonata

​Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, żar ċentru ġdid tat-Telemedicine fit-Technopark tal-Mosta fejn seta’ josserva mill-viċin il-ħidma konġunta li qed issir minn għadd ta’ professjonisti sabiex iwieġbu telefonati relatati mal-Covid-19.

F’din l-era diġitali li qegħdin ngħixu fiha, it-teknoloġija u l-informatika għandhom irwol kruċjali fl-aspetti kollha ta’ ħajjitna, inkluż fil-kura primarja. Il-pandemija tal-Covid-19 enfasizzat iżjed l-importanza tas-servizzi tat-telemedicine bil-għan li jiġi pprovdut mezz fejn il-pazjenti jkollhom kuntatt immedjat mal-professjonisti tas-saħħa, partikolarment f’sitwazzjonijiet fejn konsultazzjoni fiżika ma tkunx waħda rakkomandabbli jew sempliċiment mhix possibbli.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dawn il-ħaddiema qegħdin joffru s-servizz tagħhom lejl u nhar u jiffurmaw parti mill-frontliners ta’ pajjiżna. Dr Abela tenna li ħaqqhom kull rikonoxximent u rringrazzjahom ta’ sehemhom matul din il-pandemija, partikolarment billi offrew servizz professjonali lill-komunità f’mumenti fejn il-pazjent kien qiegħed jitlob xi forma ta’ għajnuna.  

Is-servizzi mediċinali f’dan iċ-ċentru jingħataw minn 30 tabib u 11-il infermier. Matul il-ġurnata jkun hemm preżenti madwar 7 tobba filwaqt li matul il-lejl ikun hemm 4. Dawn il-professjonisti jassistu b’diversi modi fosthom billi jagħtu parir mediku lill-pazjenti, jipprovdu serħan il-moħħ għas-sintomatoloġija tal-pazjent u jagħtu gwida lill-pazjenti biex ikollhom aċċess għas-servizzi kollha disponibbli bħalissa fil-komunità tagħhom. 

Iċ-Ċentru tat-Telemedicine jirċievi madwar 2,500 telefonata kuljum u mill-1 ta’ April 2020 sa issa rċieva 564,940 telefonata. 

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne esprima sodisfazzjon għall-mod kif il-Primary Healthcare adattaw għall-pandemija, b’tali mod li jibqgħu joffru servizz konsistenti lill-pazjenti fejn hu possibbli. Hawnhekk fakkar kif l-istess grupp ta’ tobba u infermiera qiegħed iċempel b’mod regolari lil dawk il-persuni li għandhom il-Covid-19 sabiex tkun osservata l-qagħda tagħhom waqt li jkunu qegħdin fi kwarantina fi djarhom.