Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210604

PR210604

26/03/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA U MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Imħabbra emenda fl-Att dwar it-Trattament tal-Annimali

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina ħabbru emenda fl-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali.

 

Il-Ministru Zammit Lewis ta sfond ta' għalfejn inħass il-bżonn ta' din l-emenda. Kien fit-22 ta' Frar 2021 meta ngħatat sentenza fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta), fejn l-akkużat instab ħati talli serjament immaltratta kelb. Din is-sentenza tefgħet dawl fuq il-fatt li m'hemm xejn fil-liġi dwar it-trattament tal-annimali li tista' twaqqaf persuna li nstabet ħatja ta' moħrija tal-annimali, li temporanjament jew b'mod permanenti, iżżomm annimal.

 

L-emenda li qed tiġi proposta tmur oltre mill-projbizzjoni li persuna li tinstab ħatja ta' moħqrija fuq l-annimali, ikollha annimal. L-emenda tinkorpora wkoll li l-persuna ma tistax toqgħod f'dar fejn hemm annimal domestiku, anke jekk mhuwiex l-istess annimal li ġie maħqur.

 

Il-Ministru Zammit Lewis tkellem dwar il-ħtieġa tal-ħarsien tad-drittijiet tal-annimali u kif din l-emenda se tkun qed tagħmel proprju dan. Huwa wera sodisfazzjon għall-fatt li l-gvern jimplimenta suġġerimenti li jsiru mill-qrati tal-ġustizzja.

 

Il-Ministru Anton Refalo spjega li, “Minn żmien għall-ieħor nisimgħu b'każijiet ta' abbużi b'kattiverja fuq l-annimali. Minħabba din ir-raġuni, konna minn ta' quddiem biex nagħmlu l-emendi neċessarji fuq l-att li jirrigwardja l-benesseri tal-annimali biex in-nies li jwettqu dawn ir-reati jingħataw il-piena meħtieġa". Qal li l-ħidma mal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, mal-Korp tal-Pulizija u mal-Qrati se tkompli biex l-annimali jibqgħu jiġu mħarsa filwaqt li jieqfu l-abbużi.

 

Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina qalet li permezz ta' din l-emenda, l-annimali se jiġu protetti b'żewġ modi; li tnaqqas l-opportunità li persuna li tkun wettqet moħqrija fuq l-annimali terġa' tagħmilha u li tibgħat messaġġ ċar li bħala pajjiż qed nieħdu l-moħqrija tal-annimali bis-serjetà. Il-kummissarju rringrazzjat lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech talli esprimiet id-diffikultajiet li kienet qed tiffaċċja bil-liġi preżenti minħabba li ma setatx tagħti sentenza li tipproteġi l-annimali kif xieraq.

 

Minn issa 'l quddiem, minbarra l-piena ta' multa u ħabs, persuna tista' wkoll tiġi projbita milli qatt ikollha annimal ieħor fil-pussess tagħha.​​