gov.mt

pr210617

PR210617

29/03/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI U L-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: Jibdew ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fil-Pjazza tal-Birgu

Waqt żjara fil-Birgu, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l- Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo ħabbru x-xogħlijiet li l-aġenzija Infrastructure Malta u l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta qegħdin iwettqu bħala parti mill-proġett tal-Pjazza tal-Birgu.

 

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li, “Bħalma preżentament qegħdin anke naħdmu għar-riġenerazzjoni tal-Isla, hawnhekk ukoll qed isiru xogħlijiet fosthom fuq il-Pjazza tal-Birgu. L-għan tagħna huwa li l-Kottonera terġa' tingħatalha dak l-istat prestiġjuż li jixirqilha permezz ta' xogħol tal-ogħla kwalità. Dan il-gvern jemmen u għandu fil-quċċata tal-prijoritajiet tiegħu l-wirt ta' pajjiżna u l-importanza fost l-oħrajn li għandha il-Kottonera anke meta tħares tul l-istorja ta' pajjizna u ninsabu kommessi li dak il-livell u stat mhux biss se nżommuh iżda ħa naħdmu sabiex ngħolluh u r-residenti tal-Kottonera ikollhom dak li vera jixirqilhom."

 

Qabel ma jsiru ix-xogħlijiet f'Misraħ ir-Rebħa, li hija l-Pjazza tal-Birgu, Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid erba' toroq residenzjali li hemm ħdejha u li wħud minnhom jagħtu għal ġo fiha.

 

“Infakkru li sa issa diġà saru aktar minn 500 triq madwar pajjiżna bħala parti mill-investiment ta' €700 miljun. Ir-riżultat qiegħed jidher, għadna ma wasalniex, però l-ħidma tagħna tkompli sabiex jintlaħaq l-għan finali", żied jgħid il-Ministru Ian Borg.

 

F'kelmtejn tal-okkażjoni il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo semma kif illum il-ġurnata l-Kottonera saret wieħed mill-kontributuri ewlenin tat-turiżmu Malti u Għawdxi.

 

“Qabel ma bdiet il-pandemija, 40% tat-turisti li ġew f'pajjiżna b'xi mod jew ieħor żaru din iż-żona. Il-ħsieb tagħna huwa li fil-futur dawn in-numri nkomplu ntellawhom 'il fuq u għalhekk huwa importanti li nkomplu ninvestu kemm fil-Birgu u anke fil-lokalitajiet tal-madwar", qal il-Ministru Clayton Bartolo.

 

Il-Ministru Bartolo saħaq li l-għan aħħari ta' dan il-proġett huwa li jtejjeb l-aċċessibilità għal min jiffrekwenta din il-pjazza permezz ta' żona pedonali.

 

“Ser nagħtu l-Pjazza tal-Birgu lura lin-nies bi spazju pubbliku iżjed miftuħ għall-Maltin u t-turisti", temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

 

Bħala xogħlijiet huwa ppjanat li l-ewwel ssir Triq La Vallette, imbagħad warajha se jsegwu t-tieni parti ta' Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, Triq San Filippu u Triq il-Miratur.

 

Fil-lokalità tal-Birgu, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid l-ewwel parti ta' Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, Triq iċ-Ċentinarju tal-Parroċċa u Triq San Dwardu.

 

Ix-xogħlijiet se jinkludu s-servizzi taħt l-art u l-bankini qabel ma jissaħħu l-pedamenti u t-toroq isirilhom wiċċ ġdid. Meta jitlestew dawn l-erba' toroq, Infrastructure Malta mbagħad se twettaq il-proġett fil-Pjazza tal-Birgu li se jsir f'kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Turiżmu. L-aġenzija se tagħmel xogħlijet ta' xi servizzi u tlesti t-triq biex din imbagħad tiġi pavimentata.​

​​​