Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210622

PR210622

30/03/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Imħabbar pjan ta’ rkupru għat-turiżmu għax-xhur li ġejjin


Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo vara l-pjan ta' rkupru għat-turiżmu li permezz tiegħu ġew ippreżentati l-azzjonijiet li ser isiru fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin biex pajjiżna jibda jipprepara għall-ftuħ gradwali tas-settur turistiku mill-bidu ta' Ġunju li ġej. 

 

Il-pjan ta' rkupru għat-turiżmu għall-industrija lokali jinvolvi spiża ta' madwar €20,000,000 f'għajnuna u mpenn dirett lejn in-negozji u s-setturi turistiku lokali.

 

Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, ser ikunu qed jitħabbru skemi maħruġa mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu dedikati għal operaturi tal-ivvjaġar, l-iskejjel tal-Ingliż, is-settur tal-Konferenzi (MICE) kif ukoll s-settur tal-avvenimenti u l-festivals. Apparti minn hekk ser ikun hemm inizjattivi li jindirizzaw il-Quality Assured Visitor Attractions, it-turisti indiviwali, long-stay tourists, turiżmu sportiv kif ukoll diving tourism. 

 

Matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo qal li l-iskop aħħari ta' dan il-pjan huwa li fl-iqsar żmien it-turiżmu lokali jaqbad ir-rotta ta' rkupru sabiex pajjiżna jkun jista' jiġġenera n-numru meħtieġ ta' turisti li jkunu kapaċi jsostnu l-investiment li saru mis-settur lokali.  

 

“Malta ser tkun qed terġa tilqa' t-turisti b'mod gradwali lejn pajjiżna mill-bidu ta' Ġunju li ġej. Dan il-perjodu ġie maqbul mal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika flimkien mal-partijiet kollha tas-settur tat-turiżmu," kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. 

 

Il-Ministru saħaq kif l-ewwel swieq li pajjiżna ser ikun qed jiftaħ għalihom ser ikunu dawk Ewropej u anke dak tar-Renju Unit minħabba li dawn l-istess pajjiżi mistennija jkollhom rati sodisfaċenti ta' tilqim sal-bidu ta' Ġunju.

 

“Għas-sajf li ġej f'dik li hija konnettività bl-ajru, l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta ser ikun fuq il-mappa ta' 18-il linja tal-ajru differenti b'4 minnhom ser ikunu qegħdin joperaw għall-ewwel darba f'pajjiżna. Dawn in-numri huma ekwivalenti għal 70% tal-linji tal-ajru li kienu joperaw lejn Malta lura fl-2019," irrimarka l-Ministru Clayton Bartolo.

 

Il-Ministru semma wkoll li għax-xhur tas-sajf il-Valletta Cruise Port ħabbret li Malta ser tkun qegħda tifforma parti minn 34 rotta differenti mill-cruiseliners li ser ikunu qed jaslu ġewwa l-Port il-Kbir. 

 

“Nemmen bis-sħiħ li bdejna nimxu triq tant sabiħa li għandna quddiemna. Madankollu, nappella lill-pubbliku biex jibqa' ffukat, prudenti u fuq kollox responsabbli. It-triq għan-normalità tibqa' waħda ta' sfida u għalhekk is-suċċess ta' dan il-pjan ser jiddependi mill-imġieba ta' kull wieħed u waħda minnha. Flimkien, irridu niġbdu ħabel wieħed sabiex għada pitgħada nħarsu lura u ngħidu li lkoll għamilna l-parti tagħna biex pajjiżna ħareġ iżjed b'saħħtu minn kif kien beda l-pandemija," temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.​