gov.mt

pr210828

PR210828

04/05/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: Ftehim bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Ħbieb tat-Tempju Elenjan bl-għan li pajjiżna jsaħħaħ in-niċċa tat-turiżmu reliġjuż




Ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Ħbieb tat-Tempju Elenjan sabiex din l-istess għaqda tkompli tinvesti f’mużew fil-Knisja Bażilika Kolleġjata ta’ Sant’ Elena, li dan tal-aħħar mistenni jservi ta’ attrazzjoni kulturali għal turisti li jagħżlu lill-pajjiżna bħala d-destinazzjoni reliġjuża tagħhom.  

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ser tkun qiegħda tinvesti €30,000 biex dan il-mużew jiġi mgħammar b’iżjed opri tal-arti li jikkumplimentaw l-istorja kulturali ta’ Birkirkara. 
 
Dan il-ftehim ġie ffirmat miċ-Chairman tal-istess Awtorità Gavin Gulia u Emmanuel Cassar mill-għaqda Ħbieb tat-Tempju Elenjan fil-preżenza tal-Prepostu Arcipriet Mons. Paul Carmel Vella u l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo. 
 
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo saħaq li dan il-ftehim jimxi id f’id mal-viżjoni tal-gvern li pajjiżna jibda jattira lejn pajjiżna niċċa turistika dik tat-turiżmu reliġjuż. 
 
“Malta toffri ‘l fuq minn 590 post ta’ qima, iżda sal-lum huma ftit li jiftħu l-bibien tagħhom għall-viżitaturi. Din id-disponibbiltà kollha, flimkien ma’ aktar aċċess u progress tista’ twassal għal turiżmu bbażat fuq il-fidi, li joffri sitwazzjoni sostenibbli fis-settur turistiku”, kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. 
 
Huwa tenna l-impenn tal-gvern li jkompli jkun ta’ spalla għal dawn l-għaqdiet biex ikomplu jkunu minn ta’ quddiem biex jippreservaw il-patrimonju Malti u Għawdxi. 

Min-naħa tiegħu, Gavin Gulia qal li permezz ta’ din id-donazzjoni, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda għal darb’oħra tagħti l-importanza xierqa lin-niċċa tat-turizmu marbut mar-reliġjon. 

“Il-knejjes ta’ pajjiżna joffru opportunità ta’ esperjenza unika lil dawk it-turisti li għandhom interess fir-reliġjon u f’tempji ta’ qima. Apparti minn hekk, investiment bħal dan tal-lum jiftaħ ukoll numru ta’ possibilitajiet sabiex it-turisti jiskopru bliet u rħula diversi madwar Malta u Għawdex, li għaldaqstant iwassal għal settur turistiku sostenibbli”, għalaq is-Sur Gulia.
 
Intant, Emmanuel Sammut f’isem il-Ħbieb tat-Tempju Elenjan irringrazzja lill-gvern u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tal-kontribut tagħhom biex dan il-mużew jitlesta fl-inqas ħin possibbli.