gov.mt

pr210835

PR210835

04/05/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Aktar minn 450 ħaddiem fl-ewwel jum tal-kampanja ‘Insebbħu Malta’


Aktar minn 450 ħaddiem minn diversi dipartimenti u entitajiet tal-gvern illum bdew kampanja ta' tisbiħ madwar Malta kollha biex jagħtu xejra isbaħ lill-pajjiż. Ix-xogħlijiet jinvolvu tindif ġenerali ta' toroq u bajjiet, manutenzjoni ta' dwal, żebgħa, tindif ta' taħżiż ma' bini pubbliku, sinjali ġodda tat-traffiku, u ġbir ta' skart goff f'diversi inħawi.

 

Din il-kampanja, li tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela, qed tkun ikkordinata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar. Fost id-dipartimenti u entitajiet li llum kienu involuti fl-ewwel jum ta' din il-kampanja hemm dawk tal-Indafa Pubblika u Manutenzjoni, tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Enemalta. Il-kampanja 'Insebbħu Malta' se tibqa' għaddejja matul Mejju kollu u qed isiru arranġamenti biex il-manutenzjoni tax-xogħol li jkun sar tibqa' tiġi sostnuta anke wara l-kampanja.

 

F'dan l-ewwel jum, il-ħaddiema kienu mqassmin fi 15-il grupp u mferrxin madwar Malta kollha. Fost oħrajn, fl-ewwel jum saru xogħlijiet ta' bdil ta' dwal fit-toroq fl-Imġarr, il-Mosta u t-Telgħa t'Alla u Ommu fin-Naxxar, kif ukoll tindif fit-toroq mit-Triq tal-Barrani sa Birżebbuġa. Barra minn hekk, numru ġmielu ta' ħaddiema b'makkinarju apposta kienu l-Belt Valletta jneħħu t-taħżiż u l-graffiti ma' bini u għamara tat-toroq.

 

L-ewwel jiem tal-kampanja 'Insebbħu Malta' se jikkonċentraw fuq it-toroq arterjali u postijiet fejn normalment jinġemgħu għadd ġmielu ta' nies. Wieħed jista' jgħid li f'din l-ewwel fażi tal-kampanja se tkun qed issir tindifa ġenerali u manutenzjoni ta' dwal. It-tieni fażi se tikkonċentra fuq żebgħa fejn meħtieġ, tindif ta' bajjiet, sinjali tat-traffiku u tabelli, ukoll f'postijiet li l-iktar jintużaw min-nies. Sussegwentament, it-tielet fażi tal-kampanja tidħol fl-ibliet u l-irħula, kif ukoll żoni residenzjali.​